Ktieb bl-isem ta’ Global Aging: Comparative Perspectives on Aging and the Life Course, li fih jiġbor il-perspettivi ta’ kif bniedem jikber fl-età u l-effetti tal-aspetti soċjali fuq l-identità, ngħata l-premju ta’ ktieb tas-sena fl-Istati Uniti għall-elfejn u għoxrin. Kapitlu sħiħ minnu, ‘Towards an Age-Friendly Urban and Housing Policy in Malta’, inkiteb minn żewġ akkademiċi Maltin u jiffoka fuq kif is-soċjetà għandha tinkludi lil dawk akbar fl-età u tikkunsidra l-ġid li dawn għamlu għall-pajjiż.
Il-Lettur fil-Fakulta tal-Ambjent Mibni, Dr Rachael Scicluna kitbet dan il-kapitlu flimkien mal-Professur Marvin Formosa, u ma’ ONE News spjegat kif f’pajjiżna, dawk kbar fl-età m’għandhom jingħataw il-ġenb.
Qalet, “Flimkien aħna ħarisna lejn l-aspett ta’ kif inti jista’ jkollok dik li hi magħrufa bħala an ‘age-friendly city’. Jiġifieri ħarisna lejn l-għanijiet ta’ żvilupp sostennibbli speċjalment tan-numru ħdax li jħares lejn ibliet u komunitajiet sostennibbli fejn irid ikollok ċertu elementi bbażati fuq l-inklussività, ta’ kif inti anke l-ispazju miftuħ per eżempju ikun iddiżinjat, kif inti jkollok anke l-bankini u anke t-trasport li jkun inklussiv”
Semmiet fost l-oħrajn il-kunċett ta’ trasport inklussiv għal persuni ta’ kull età.
Qalet, “Fejn inti t-trasport huwa addattat, jintuża minn kullħadd għaliex huwa trasport pubbliku pero għandu l-mezzi biex inti jekk ma tkunx tista’ titla’ l-ewwel tarġa, tal-linja t-tarġa tinżel. Jiġifieri jkollok dawn l-aspetti li jkunu bbażati fuq affarjiet inklussivi li jkunu miftuħin u jkollok opportunità li mhux tiġi priġuniera għax inti għandek ċertu età iżda tinkoraġġik biex inti tibqa’ tipparteċipa b’mod attiv fil-komunità”
Fil-ktieb jissemma wkoll l-importanza ta’ forma ta’ akkomodazzjoni fejn bniedem jista’ jgħix b’mod indipendenti.
Spjegat, “Imma naħseb l-iktar ħaġa importanti hija li l-akkademja u t-teorija ma nħalluwiex biss għal ġol-librerija imma noħolqu l-aspett prattiku tagħha. Infatti fl-aħħar tal-kapitlu aħna nagħmlu xi rakomandazzjonijiet ta’ kif il-politika anke fejn tidħol l-akkomodazzjoni soċjali jistgħu jitjiebu biex ikunu iżjed inklussivi”