Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ħabbar li tlestew l-istudji preliminari dwar il-breakwater propost li jsir f’Marsaxlokk u l-applikazzjoni ta’ żvilupp mistennija titressaq quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar ix-xahar id-dieħel.
Meta introduċa l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni tas-Sajd, Galdes qal li l-proġett se jiswa bejn 20 u 25 miljun ewro u la darba joħroġ il-permess, ix-xogħol mistenni jibda f’Settembru jew Ottubru.
L-istudji hadu wkoll f’kunsiderazzjoni l-power station u l-freeport.
Galdes qal li l-Gvern ma qabilx li f’Marsaxlokk tinbena yacht marina , dan għax ma jridx lis-sajjieda jinqalgħu ’l barra u jkollhom l-għixien tagħhom mhedded. Anzi, l-Gvern lest jinvesti biex inaqqas it-tbatijiet tas-sajjieda.
Meta tkellem dwar il-kwoti tal-pixxispad, is-Segretarju Parlamentari Galdes qal li l-kwistjoni m’għandhiex iddur f’ballun politiku dan għax il-pġut fil-Mediterran qed jonqos u l-pixxispad jinsab fil-periklu li jispiċċa. It-tama hija li bħal ma ġara fil-każ tat-tonn, wara l-kwota, jirpilja u jibda jiżdied.
Bi ftehim mal-koperattivi tas-sajjieda, il-kwota se tinħadem skont tliet kategoriji ta’ sajjieda: qabdu li qabdu u ddikjaraw skont il-liġi; dawk li ddikjaraw ftit u dawk, li minkejja li kellhom liċenzja, jew ħarġu ftit jew ħarġu u ma qabdu xejn. Dawn tal-aħħar, 60 minn 290 sajjied, ukoll se jidħlu fil-kwota.
Galdes irrefera wkoll għall-fishfarms u qal li l-indikazzjoni li għandha l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi hija li r-rawa li dehret dan l-aħħar ma kinitx ġejje mill-fishfarms iżda kienet rawa naturali. Hija foam natural li bħala dehret f’Ottubru f’Portomaso u Sqallija.
Qal li l-gvern, meta kien hemm bżonn, ħa passi kontra l-fishfarms iżda dawn ma jistgħux jingħataw it-tort għal kollox. Il-fishfarms huma importanti għall-ekomija u l-gvern lest jgħinhom biex din l-industrija tikber.
Is-Segretarju Parlamentari Galdes ħabbar li fil-pixkerija ddaħħlet sistema ta’ traċċibilità tal-ħut u hekk kulħadd ikun jaf jekk il-ħut li jixtri hux lokali jew impurtat.