Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Joe Mizzi spjega li l-ewwel tliet fażijiet tal-proġett fi Pjazza Tritoni kienu jinvolvu x-xogħol fi Triq l-Assedju l-Kbir, fejn saret ir-roundabout għal immaniġġjar aħjar tat-traffiku, ix-xogħol fuq Triq Re Dwardu u l-Biskuttin u x-xogħol fi Triq Nelson. Minflok iduru mal-funtana, il-karozzi tal-linja nħolqilhom post alternattiv u spazji ta’ parkeġġi ġodda.
Spjega li qed isir xogħol ta’ tqegħid ta’ servizzi ġodda. Fin-naħa ta’ fejn qabel kien hemm il-public toilets, beda wkoll it-tħaffir biex tinbena pump room ġdida għall-funtana. Waqt dawn ix-xogħlijiet insabu ħitan antiki li kienu mirduma. Bl-involviment tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, ġew deċiżi l-aħjar soluzzjonijiet ta’ preservazzjoni. Dawn il-ħitan se jiġu rrestawrati. Il-bini tal-pump room u tal-mina taħt l-art li tibqa’ sejra sa taħt il-funtana mistenni jkun lest sal-ewwel ġimgħa ta’ Mejju.
Fil-Foss, bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ bini tas-substructure, tat-trejqa li se tħalli aċċess għaż-żona ta’ Lascaris War Rooms. Qiegħed isir xogħol fuq l-infrastruttura eżistenti fejn qegħdin jiġu rilokati xi manholes u oħrajn mibnija mill-ġdid.
Dan minbarra li għaddejjin diskussjonijiet mal-Valletta Football Nursery, id-Direttorat tar-Restawr u d-Direttorat tat-Tindif sabiex jinħoloq aċċess mill-parking ta’ taħt il-ġnien ta’ Hastings għaż-żona tas-Salinos.
Wara li jitlesta dan ix-xogħol, huwa ppjanat li jibda x-xogħol ta’ pavimentar bil-ġebla tal-qawwi u jitħawlu wkoll siġar u pjanti.
Ma jistax jonqos li tissemma l-funtana ta’ Tritoni. Il-Minsitru spjega li l-istawi u l-plattin tal-bronż inqalgħu minn posthom u ttieħdu f’funderija Firenze l-Italja biex jsir xogħol ta’ restawr fuqhom. Wara li tnaddfu, instab li hemm ħafna aktar ħsara fuqhom milli kien jidher qabel. Għaldaqstant ix-xogħol ta’ restawr fuq it-Tritoni se jdum ftit aktar milli kien mistenni imma xorta se jkun lest sa l-aħħar ta’ din is-sena. Il-ħsara li hemm fuq il-figuri mistennija li jkun msewwija sa l-aħħar ta’ Mejju.
Il-plattin tal-bronż instab li ħafna minnu seta’ jkun irranġat u jerġa’ lura għal profil oriġinali. Fil-ġranet li ġejjin, se jittieħed f’fabbrika Vicenza, l-Italja sabiex il-forma tiegħu tiġi aktar irfinuta.
Ħafna mix-xogħol ta’ tindif tat-travertin huwa lest ukoll. Ix-xahar id-dieħel imiss ukoll li tibda l-installazjoni tas-sistemi tad-dawl u ilma.
F’dawn ir-ritratti tista’ tara x-xogħol li qed isir fil-funderija tal-funtana.