B’għexieren ta’ snin esperjenza fil-qasam ekonomiku warajh, l-ekonomista Karm Farrugia wieġeb bi tbissima meta tlabnieh jikkummenta dwar x’se jkun l-effett tal-Brexit fuq Malta. Dan anke jekk fl-aħħar xhur kull riċerka li saret, inkluż analiżi għall-gazzetta KullĦadd, uriet kif Brexit tfisser sfidi iktar milli opportunitajiet.
Konxju li l-isfidi qegħdin hemm, Farrugia xorta waħda tkellem b’ton ottimist, għax dak li bniet Malta fl-aħħar tliet snin jiflaħ għad-daqqiet.
“Jiena nħoss li għal Malta, b’mod ġenerali, ma tagħmilx differenza kbira. Tant l-ekonomija hi b’saħħitha, tant mhix dipendenti fuq sors wieħed, li nifilħu għal din l-isfida. Dan kollu jiddependi wkoll fuq il-ħila tagħna li nimmaniġġjaw l-ekonomija u l-ħila ta’ min qed imexxiha, li fil-każ tagħna jaf sew x’inhu jagħmel,” stqarr l-ekonomista li tul is-snin ra jiżviluppaw ukoll ir-relazzjonijiet bejn Malta u r-Renju Unit.
Bħal donnu jrid li l-messaġġ jasal ċar, żied:
“L-ekonomija tagħna ma tistax tkun iktar b’saħħitha mil-lum u b’saħħitha tiflaħ irwiefen li qed jonfħu. Min qed imexxi l-ekonomija tant jaf x’inhu jagħmel u għalhekk, nerġa’ ngħid, għandna nifilħu dawn l-irwiefen. Però, ma tfissirx li m’għandna nagħmlu xejn.”
Għalkemm kien jippreferi l-istatus quo, li jfisser li l-Brexit ma seħħx, itenni li issa rridu nkunu ppreparati għal realtà ġdida. Jgħid li l-ikbar sfida mhix fl-immedjat, hekk kif fis-sentejn li ġejjin ħafna jiddependi x’se jsir bil-valur tal-isterlina.
“Kollox jiddependi fuq kif tmur l-isterlina li, jekk taqa’ ħafna taffettwana fit-turiżmu, għax għandna terz tat-turisti li jiġu mill-Ingilterra – turisti li għalihom se tkun iktar għalja biex tmur kullimkien,” qal Farrugia. Però, il-forza kontra tagħna mhux se tkun daqskemm qed jgħidu dawk li ddeskriva bħala “pessimisti”.
“Kieku l-Brexit kienet ilkuntrarju, ukoll ftit kien ikun hemm effetti u issa ħafna jiddependi min-negozjati li se jagħmlu. Negozjati li x’aktarx jieħdu mas-sentejn sħaħ,” kompla jispjega.
Min-naħa l-oħra, jgħid Farrugia, huwa vantaġġ li għandna suq tal-esportazzjoni li ma jiddependix tant fuq l-Ingliżi. “Kien hemm żmien meta 60% tal-esportazzjoni kienet tmur ir-Renju Unit, iżda din naqset,” żied Farrugia l-għada li l-Gvern qal li se jgħin lil numru żgħir ta’ kumpaniji li kważi jiddependu għalkollox fuq ir-Renju Unit.
“Tant għandna ekonomija b’saħħitha li, meta tgħawwiġha, xorta tmur għall-forma tagħha. Mhux ma tweġġax. Tweġġa’, imma tirkupra mill-ewwel. Aħna mmexxijin tajjeb u, fuq kollox, għandna ekonomija diversifikata,” temm jgħid Farrugia.
Kliem Farrugia jirrifletti dak li qal il-Prim Ministru f ’konferenza tal-aħbarijiet li saret il-ġimgħa, li wriet kemm pajjiżna kien imħejji għal din l-eventwalità. “Dawn huma żminijiet importanti għal pajjiżna. Għandna sfidi u opportunitajiet. Però, irridu nkunu ċari li dan huwa żmien fejn, fl-ogħla livelli, pajjiżna jrid ikollu tmexxija ekonomika b’saħħitha,