Għaddej ġmielu x-xogħol fuq Mużew Ekkleżjastiku fil-Mellieħa. Fil-fatt, diġà tlesta aktar minn nofsu u x-xogħol kollu mistenni jkun lest sal-aħħar tas-sena.
Dan il-proġett qiegħed isir mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta b’investiment ta’ kważi €300,000, u huwa ffinanzjat parzjalment mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Meta zaru x-xogħlijiet is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, u s-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, flimkien mal-Arċipriet tal-Mellieħa, Dun Joe Caruana ġie spjegat lilhom li fl-imgħoddi din il-binja kienet tintuża bħala post tal-mistrieħ mill-pellegrini li kienu jiġu jżuru l-Madonna tal-Mellieħa wara vjaġġ twil ħafna, meta ma kienx hawn mezzi tat-trasport kif għandna llum.
Dawk li se jżuru dan il-mużew se jkunu jistgħu jaraw l-istorja tas-Santwarju tal-Mellieħa u se jkun hemm esebiti oġġetti ekkleżjastiċi u għamara antika li kienu jintużaw fis-Santwarju, fosthom pulptu u konfessjonarju antik.
Se jkun hemm ukoll kommemorazzjoni ta’ affarijiet ekkleżjastiċi li ntużaw fiż-żjara ta’ San Papa Ġwanni Pawlu II f’Mejju tal-1990, fosthom is-sedja li ntużat waqt dik iż-żjara Papali.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li, la jitlesta, dan il-mużew se jiżdied bħala attrazzjoni turistika oħra f’din il-lokalità
“Inkomplu nattiraw aktar persuni lejn dawn in-naħat ta’ Malta li ma jiġux biss biex jużaw il-faċilitajiet tal-baħar u tal-bajja, imma anke biex japprezzaw l-istorja, it-tradizzjoni, u l-kultura ta’ pajjiżna.”
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, qal li, permezz ta’ dan il-proġett, li għalih qed jikkontribwixxu wkoll il-Melliħin, il-Knisja qiegħda tagħti ħajja ġdida lil dan il-post storiku.
“Dan huwa proġett ieħor f’sensiela ta’ proġetti li qegħdin isiru permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea u se jgħinu wkoll biex ikun hemm aktar żvilupp turistiku u anke għal Maltin f’dawn l-inħawi.”
L-Arċipriet tal-Mellieħa, Dun Joe Caruana, irringrazzja lill-parruċjani tal-Mellieħa li bid-donazzjoni tagħhom, kif ukoll permezz tal-fondi Ewropej, fil-Mellieħa se jkun hemm dan il-mużew li se jkun attrazzjoni għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-istorja tal-Knisja.