“Il-ħolma tagħna saret realtà.”
Dan stqarru l-President tal-klabb tas-Sirens fl-inawgurazzjoni tal-ewwel fażi tal-pixxina ‘state of the art’ tal-klabb b’investiment ta’ tlett miljun u ħames mitt elf ewro. Hawn il-President tal-klabb, Dr Carmel Vella qal kif huwa jiftakar meta fil-passat il-plejers tal-klabb kienu jinżlu fl-ilma kiesaħ.
Spjega kif din il-pixxina msaħħna kienet bżonnjuża, hekk kif aktar u aktar tfal u żgħażagħ jixtiequ jipparteċipaw f’dan l-isport, u apparti minn hekk, din il-pixxina ma tintużax biss minn dan il-klabb.
Qal, “Din hija l-ewwel pixxina ta’ Malta issa, pixxina miftuħa state of the art se tkun imsaħħna s-sena kollha u din bl-għajnuna ta’ SportMalta wkoll, u se tagħti ċans mhux lis-Sirens biss jittħarrġu matul is-sena, imma anke clubs oħra bħall-Otters li qed jiġu minn Għawdex regolarment.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar stqarr kif dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ investimenti simili, fosthom dak tal-pixxina ta’ Birżebbuġa.
Il-Ministru għall-Isport Clifton Grima sostna kif issa dan il-klabb ta’ disgħin sena għandu l-aqwa faċilitajiet li qatt kellu.
Qal, “Hawn qiegħdin naraw kif il-proġett sportiv qed ikun ta’ benefiċċju, mhux biss għal għaqda sportiva, iżda għall-isportivi kollha, anke dawk professjonali, imma anke għall-iskejjel. Allura nkomplu nikkonfermaw kemm l-isport huwa parti integrali minn dik li hija l-edukazzjoni sħiħa li rridu nagħtu lit-tfal tagħna, edukazzjoni sħiħa li twassal biex it-tfal tagħna jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom u jkollhom il-ħiliet kollha neċessarji sabiex ikunu jistgħu jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum.”