Żagħżugħ li tressaq il-Qorti akkużat b’serq qal lill-Pulizija li huwa lest iwettaq reat kriminali ieħor jekk sieħbu, li ukoll kien akkużat b’serq, jeħel sentenza ħabs.
Nikolai Abela u Joseph Xuereb kienu akkużati b’ħames serqiet differenti, u li kkawżaw ħsara f’ħanut il-Belt. Wieħed minnhom jinsab akkużat ukoll li kiser kundizzjonijiet ta probation.
Il-Pulizija qalet li kienet irċiviet diversi rapporti ta’ serq minn stabbilimenti tal-ikel fil-Belt, u wara li investigaw, sabu li wieħed miż-żewġ żgħażagħ kien involut f’kull wieħed minn dawn il-każi, u l-ieħor f’każ wieħed biss. Jidher li huma kkoperaw mal-Pulizija waqt l-arrest, u ammettew li wettqu dan ir-reat.
Id-difiża qalet li l-ġuvintur serqu għax kienu bil-ġuħ, u rritornaw lura dak li setgħu. Jidher ukoll li dawn għandhom problema bid-droga, u l-Qorti ntalbet biex tgħinhom isegqu programm ta’ rijabilitazzjoni.
Xuereb weħed 18-il xahar priġunerija għaliex instab li huwa riċediv u se jinżamm fil-Faċilità taż-Żgħażagħ fl-Imtaħleb.
Abela, li ngħata sentenza ta’ sentejn probation, qal li huwa lest jagħmel reat ieħor biex ma’ sieħbu l-ħabs. Il-Qorti wissietu li dan kollu mhux se jagħmillu ġid, u tatu l-parir biex ma jitlifx iċ-ċans li tatu.