Fi stqarrija, l-Enemalta ħabbret li lbieraħ waranofsinhar lestiet ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq l-interconnector ta’ bejn Malta u Sqallija. Dan ix-xogħol beda l-Ħadd filgħodu fuq l-iswitchgear li jinsab fit-terminal tal-Magħtab.
Matul it-testijiet li saru l-Ħadd filgħaxija, għall-ħabta tas-sitta u tmien minuti, numru ta’ distribuzzjonijiet tad-dawl fi ħdan it-terminal trippjaw u rriżulta fi qtugħ tad-dawl, b’riżultat li bosta lokalitajiet spiċċaw bla dawl. Madanakollu, f’temp ta’ siegħa, ftit qabel is-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija, il-provvista sħiħa reġgħet lura.
Tul dawn l-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa, tim t’inġiniera u tekniċi komplew bix-xogħol kif skedat fuq it-terminal tal-Magħtab. L-Enemalta tenniet b’ringrazzjament lill-ħaddiema tagħha tax-xogħol kontinwu matul dan iż-żmien.