35% tal-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Intersection tal-Ajruport jinsab lest, bl-ewwel korsiji ġodda mistennija jinfetħu fit-tieni kwart tas-sena d-dieħla.
L-ewwel korsiji li ser jibdew jintużaw ser ikunu dawk tal-flyover il-ġdida fid-direzzjoni lejn il-miri ta’ Ħal Kirkop.
Waqt żjara li l-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Ian Borg għamel fuq is-sit fejn beda l-bini tal-flyover twila 400 metru, il-Perit Anton Zammit inkarigat mill-proġett spjega kif il-flyover b’korsiji li ser ikunu qed jidderieġu t-traffiku lejn iż-Żurrieq ser tkun mibnija fuq ħames pilastri.
Tlieta minn dawn il-pilastri diġà huma lesti.
Ix-xogħlijiet bdew bil-bini tal-pedamenti għat-toroq ġodda tal-proġett u nbnew aktar minn 300 metru ta’ ħitan fil-ġnub u 330 metru bankini ġodda.
Spjega kif fix-xhur li ġejjin ser jitlestew aktar bankini u korsiji għar-roti.
Dan filwaqt li l-ħaddiema diġà lestew kważi nofs it-tħaffir tal-mina twila 200 metru li se tgħaddi minn taħt ir-roundabout ġdida u r-rampi ta’ 120 metru li se jwasslu għaliha, kif ukoll bnew terz tal-ħitan tal-mina li diġà jinsabu f’posthom.
Issa jmiss li x-xogħol tal-iskavar jestendi għal taħt ir-roundabout tal-Gudja.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi spjega kif bħalissa għaddej ukoll xogħol kbir li għalissa għadu mhux jidher: “Għaddej ħafna xogħol li ma jidhirx, xogħol ‘off site’. Pereżempju warajna fejn qed naraw l-embankement għall-bridges għall-flyover, il-flyover perse qiegħed jaħdem barra minn hawn u dan ser ikun qed jiġi għall-bidu tas-sena d-dieħla. Għall-Marzu – April dan ser ikun qed jiġi, barra minn hekk anke ċertu strutturi tal-konkos. Dawn ukoll qed jinħadmu barra mis-sit u jinġiebu hawnhekk kemm jitpoġġew.”
Sa issa tlestew ukoll tlieta minn għaxar kilometri ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni ġodda taħt l-art b’pajpijiet għall-cables tal-elettriku, internet u servizzi oħra ta’ telekomunikazzjoni.
Il-Ministru Ian Borg spjega kif permezz ta’ dan il-proġett b’investiment ta’ 18-il miljun ewro ser ikun qed joffri infrastruttura f’post importanti: “Dawn huma katina ta’ proġetti u interventi illi jridu jikkumplimentaw lil xulxin u għalhekk il-Gvern ma jaqtax qalbu minn proġett ambizzjuż f’investiment fl-infrastruttura ta’ pajjiżna u għaddejjin hawnhekk f’żewġ t’ibnadi. Il-proġett iktar ‘il fuq lejn Ħal Luqa u hawnhekk biswit il-mitjar li jservi f’infrastruttura kritika, infrastruttura lejn l-ajruport ta’ Malta kif ukoll lejn il-Port Ħieles, il-Freeport.”