Sax-xahar id-dieħel se jiftħu tliet flyovers oħra fil-proġett tal-Junction tal-Marsa. F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi intqal li 70% ta’ dan il-proġett issa huwa lest.
Il-Ministru Ian Borg spjega kif l-aħħar erba’ flyovers waslu għall-asfalt u l-aħħar xogħlijiet, u bħalissa għaddej xogħol fuq l-aħħar erba’ rampi li se jgħaqqdu dawn il-flyovers mat-toroq tal-madwar.
“Saru xogħlijiet f’żoni li issa se jkunu aċċessibbli għall-poplu fi ġranet jew ġimgħat. Se jkun hemm rotot differenti għax ix-xogħol jibda jippostja ruħu, però fi ftit ġimgħat se jkun qed jitgawda minn kulħadd.”
Issa Infrastruttura Malta qed tibni toroq oħra ġodda taħt dawn il-flyovers għal konnessjonijiet aktar effiċjenti u siguri minn Vjal Sir Paul Boffa għaż-żewġ park and rides tal-proġett, l-Addolorata u inħawi oħra.
Il-Perit tal-proġett, Raphel Abdilla, spjega li s-sewwieqa li se jgħaddu mill-inħawi fi tmiem din il-ġimgħa se jkunu mitluba jsegwu rotta temporanja.
“Minn nhar il-Ħadd jew is-Sibt se ngħaddu t-traffiku minn din il-flyover, se jgħaddu minn wara l-fabbriki. Ir-rotta ta’ Garibaldi se tgħaddi kollha miż-żona industrijali, u jkunu jistgħu jingħaqdu kollha lejn Aldo Moro. Se tkun rotta fejn ma tridx tinfixel li qed tgħaddi minn Garibaldi għax xorta se tkun qed timxi lejn il-Marsa. Aktar tard se niftħu l-flyovers li qegħdin fuqhom, naqilbu t-traffiku u nagħmlu bidliet oħra hemmhekk.”
Fil-ġimgħa fejn is-27 Stat Membru Ewropew se jkunu qed jinnegozjaw għal baġit għas-seba’ snin li ġejjin, is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi fakkar kif il-fondi Ewropej kienu kruċjali għat-tlestija ta’ dan l-akbar proġett infrastrutturali.
“Huwa proġett ko-finanzjat mill-fondi tal-UE ta’ €52miljun. Parti minnhom huma parti mill-programm ta’ seba’ snin, u mad-€49 ġejjin minn fondi tal-Unjoni Ewropea.”