Miexi ġmielu x-xogħol fuq il-mini ta’ Santa Luċija hekk kif tlesta aktar minn 60% tal-proġett bil-mira hija li dawn jibdew jintużaw lejn l-aħħar ta’ Settembru.
Qal dan ma’ One News il-Perit Rapheal Abdilla li huwa wieħed mill-Periti nkarigati mill-proġett hekk kif ONE News żar l-andament tax-xogħol.
Il-Perit Abdilla spjega kif ix-xogħol prinċipali li bħalissa għaddej huwa fuq is-saqaf tal-mini l-ġodda hekk kif bdew jitpoġġew l-ewwel travi.
Kull mina ser ikollha 23 travu, twal 9 metri kull wieħed u jiżnu 6.7 tunnellati.
“Il-fażi li jmiss tkun li nlestu l-karreġjati t’hawnekk allura qabel Settembru flimkien mal-proġett tal-Marsa Junction iktar l-isfel ħa nkunu qed naslu biex niftħu l-flyovers u anke nkunu qed nużaw din ir-rotta lejn tal-barrani u viċi versa lejn il-Marsa.”
Mat-tlestija tas-saqaf tal-mina jibda wkoll ix-xogħol fuq roundabout ġdida li ser tiffaċilità l-aċċess lir-residenti ta’ Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien.
“Ir-roundabout ħa tkun qed tinbena bħala l-fażi li jmiss jiġifieri wara li nkunu ftaħna hawnekk għat-traffiku u saqqafna l-mina x-xogħol li jivdal ħa jkun primarjament fir-roundabout u l-jogging track tan-naħa ta’ Santa Luċija.”
Il-periti ta’ Infrastruttura Malta qed jikkordinaw ix-xogħol ta’ dan il-proġett id f’id ma’ dak tal-proġett tal-junction tal-Marsa. L-aġenzija qed tara li l-flyovers ġodda tal-Marsa jkunu lesti fl-istess żmien, ħalli partijiet kbar minn din ir-rotta ewlenija jkunu miftuħin fiż-żmien li eluf ta’ studenti jerġgħu lura l-iskola.