75% tal-proġett ta’ SR Technics li qed tibni ħangar ġdid tal-ajruplani, jinsab lest.
Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ erbgħa u erbgħin miljun ewro, u minkejja d-diffikultajiet li ġabet magħha l-pandemija, ix-xogħol fuq dan il-ħangar mistenni jkun iffinalizzat fix-xhur li ġejjin.
Ġaladarba jkun lest, dan il-post mifrux fuq medda ta’ għoxrin elf metru kwadru, mistenni jimpjega mat-tliet mija u ħamsin ħaddiem, u se jkun jista’ jakkomoda sa sitt ajruplani f’daqqa għall-manutenzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija qal li SR Technics għandha impenn fit-tul li tkompli tagħti servizz f’Malta u dan il-proġett mistenni jżid l-investiment lokali filwaqt li jiftaħ bibien ġodda għal aktar opportunitajiet.
Jean-Marc Lenz stqarr, “We are nearly ready to move in the hanger. That’s a great achievement for SR Technics and a great achievement for our staff, for our employees. I mean, they will work in a complete new environment that will increase the safety for the work, it will increase the quality and efficiency of the work as such obviously they can concentrate on the customers in this new environment.”
Waqt żjara fil-ħangar, il-Ministru Miriam Dalli nnotat kif l-għajnuna tal-Gvern f’dawn iż-żminijiet diffiċli, flimkien mal-bżulija tal-ħaddiema, wasslu biex dan il-proġett seta’ jkompli miexi ’l quddiem.
Il-Ministru spjegat, “Fi żmien ta’ sfida bħalma hija l-pandemija, b’mod partikolari għas-settur tal-avjazzjoni, il-Gvern ra li jibqa’ jsostni dan is-settur u rajna li nibqgħu ngħinu u ninvestu biex naraw lil dan is-settur jikber iktar.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, semma l-għajnuna li ngħatat lill-ħaddiema, anki dawk f’settur tant milqut mill-pandemija, u fl-istess waqt l-investituri qed juru l-fiduċja f’pajjiżna.
Is-Sur Farrugia rrimarka, “L-investitur barrani għad għandu fiduċja fil-pajjiż u rridu nimxu ’l quddiem sabiex naraw li dawn l-operazzjonijiet jibdew u fi żmien ftit tax-xhur oħra jkollna ajruplani li jidħlu f’dawn il-ħangars kbar sabiex jibdew ix-xogħlijiet tagħhom.”