Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Partit Laburista se jkun Leonid McKay.
Permezz ta’ post fuq il-midja soċjali, Dr Abela tenna li hu sodisfatt li McKay se jkun qed iservi f’din il-kariga, anke għax “il-valuri u l-kwalitajiet tiegħu jitkellmu waħedhom u ċert li se jkun qed iwettaq ħidma importanti u tajba ħafna.”
McKay, li attwalment iservi bħala Kap Eżekuttiv tal-aġenzija JobsPlus, se jkun qed jieħu post Randolph DeBattista li, il-Ħamis ħabbar, se jkun qed jirriżenja mill-kariga, li tintagħżel mill-Mexxej Laburista.
DeBattista qal li, fil-ġimgħat li ġejjin, se jkun qed jirriżenja mir-rwol ta’ Kap Eżekuttiv. Hu saħaq kif f’dan iż-żmien ħadem fuq deċiżjonijiet importanti u bla preċedent fuq is-sostenibilità finanzjarja tal-Partit, deċiżjonijiet li fi kliemu ħallew legat li jista’ jitgawda għal ħafna snin fil-futur.
De Battista sostna li se jibqa’ jiddedika l-ħin għal tranżizzjoni fl-aqwa interess tal-partit.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista tenna li fl-aħħar snin McKay serva bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar fejn kellu rwol kruċjali biex jimplimenta riformi fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali, waqt li ħadem ukoll f’oqsma oħrajn soċjali, bħala Direttur ta’ Caritas Malta, minbarra li kellu r-rwol ta’ Direttur fl-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Cannabis, l-ARUC.
Leonid McKay, li hu miżżewweġ b’żewġt itfal, hu gradwat b’Masters fil-politika soċjali mill-Università ta’ Malta.
Il-Partit Laburista rringrazzja lil Randolph De Battista għax-xogħol siewi li għamel fl-aħħar snin.