Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri ħatar lis-Sur Leonid McKay bħala Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus.
Is-Sur Mckay għandu esperjenza twila f’diversi oqsma tal-politika soċjali u serva f’diversi rwoli fl-ogħla livelli ta’ tmexxija kemm fis-settur pubbliku, kif ukoll f’entitajiet mhux governattivi. Fl-irwol tiegħu bħala Chairperson tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, implimenta u bena qafas regolatorju b’saħħtu, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu. Hu serva wkoll bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar bejn l-2018 u l-2022, li matulhom wettaq riformi importanti f’dan is-settur, minn dawk marbuta mas-suq tal-kiri, għal proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli. Bejn l-2014 u l-2018, is-Sur McKay serva bħala Direttur ta’ Caritas Malta. Mill-2012 sal-2014, huwa kien lecturer fil-Malta College of Arts Science and Technology fejn għallem fl-Institute of Community Services.
Is-Sur McKay irriċerka wkoll firxa ta’ setturi fil-politika soċjali, inkluż dawk relatati mas-suq tax-xogħol. Fost dawn, il-Minimum Essential Budget for a Decent Living (Caritas Malta 2016, 2012) b’enfasi partikolari fuq il-Paga Minima statutorja; l-adekwatezza tal-benefiċċji soċjali (Minimum Income Schemes, 2014); l-isfruttament sever tal-immigranti fis-suq tax-xogħol f’Malta (Severe Labour Market Exploitation – Social Fieldwork Research 2014); u l-identifikazzjoni ta’ żoni ġeografiċi b’konċentrazzjoni ta’ faqar u deprivazzjoni f’Malta (Master of Arts in Social Policy Dissertation, 2012).
Huwa gradwat b’Baċellerat fis-Soċjoloġija u għandu Master of Arts fil-Politika Soċjali mill-Università ta’ Malta.
Il-Ministru Byron Camilleri feraħ lil Leonid McKay għal din il-kariga ġdida fdata lilu. Il-Ministru Camilleri żied jirringrazzja lil Alexia Vella għall-ħidma li wettqet f’Jobsplus.