Godfrey Leone Ganado, il-persuna li ddedika dawn l-aħħar ġimgħat sabiex jattakka lid-deputat Rosianne Cutajar u lit-tfal tal-Prim Ministru, kien il-persuna li daħħal lil wieħed minn dawk mixlija fl-iskandlu taż-żejt fl-Enemalta.
Filfatt, meta Leone Ganado kien inħatar Ċermen tal-Enemalta fil-bidu tas-snin 90, kien ħatar bħala konsulent tiegħu u tal-bord tad-diretturi lil Frank Sammut, bniedem li bħalissa jinsab mixli b’rabta mal-iskandlu taż-żejt.
Dan intqal fil-gazzetta Kullħadd, fejn żiedet li għalkemm Sammut kien diġà beda jaħdem għal entitajiet pubbliċi, kien taħt Leone Ganado li ngħata l-iktar importanza.
Sorsi fl-industrija li tkellmu mal-gazzetta qalu li l-ħatra ta’ Ganado kienet l-ewwel minn sensiela li wasslu biex l-Enemalta bdiet sejra lura.
Dwar dan saħansitra kien kiteb pubblikament eks Ministru Nazzjonalista, li kien iddeskriva l-ħatra ta’ Leone Ganado bħala “not his piece of cake.”
Frank Sammut kien inħatar għall-ewwel darba bħala konsulent f’Ġunju tal-1992, u l-kuntratt reġa’ ġġeddidlu minn Leone Ganado meta kien qed jokkupa l-kariga ta’ chairman.
Sena wara, Sammut spiċċa kien investigat mill-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Koruzzjoni. Għalkemm eventwalment ma nstabx ħati, snin wara, ħareġ bħala protagonist ta’ kobba mħabbla li daret madwar l-ikbar skandlu politiku fl-istorja ta’ pajjiżna.
F’Jannar tal-2013 kienet ħarġet l-aħbar kif f’kont tal-bank Żvizzeru kienu jintefgħu l-flus ta’ għotjiet li kienu jitħallsu lil wieħed mill-membri tal-kumitat għax-xiri taż-żejt fl-Enemalta.
Dak iż-żmien ġie żvelat li Trafigura, kumpanija Olandiża, tefgħet ammonti ta’ flus fil-kont Żvizzeru ta’ kumpanija li tagħha Frank Sammut kien direttur.
L-għotjiet li ssir referenza għalihom bħala konsulenza, eventwalment kienu ppubblikati wkoll f’dokumenti li jipprovaw dan.
Dak iż-żmien li l-Enemalta kienet tixtri b’€1,000,000 kuljum, jingħad li għaddew madwar 300,000 dollaru Amerikan f’sena waħda biss lill-kumpanija li tagħha Sammut kien direttur.
Eventwalment Frank Sammut spiċċa akkużat b’korruzzjoni u ħasil ta’ flus quddiem il-Qorti kriminali u wieħed mill-avukati tiegħu huwa Joe Giglio.
Giglio u Leone Ganado nzertaw ukoll sħab f’ditta li tipprovdi servizzi legali u finanzjarji.