Geodfrey Leone Ganado, l-awditur qrib il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil jixtieq jara lin-nies jittallbu u jorqdu fit-toroq sabiex jerġa’ jitla’ l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Huwa qal hekk f’kumment li għamel għal storja fuq is-sit ta’ ġurnal lokali.
Fil-kumment tiegħu, Leone Ganado qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn jinqasam sabiex jingħaqad mal-Partit Demokratiku ta’ Marlene Farrugia sabiex id-Deputati ta’ Busuttil jinqatgħu minn mal-fazzjoni tal-Kap Adrian Delia.
Huwa fatt magħruf li Leone Ganado gawda mhux ftit taħt il-Partit Nazzjonalista fejn minkejja li ma kellux esperjenza fis-settur tal-enerġija kien tpoġġa bħala Chairman tal-kumpanija Enemalta fiż-żmien li din il-kumpanija kienet bdiet taqbad in-niżla. Fil-ħarġa ta’ dalgħodu tal-gazzetta Kulħadd ġie żvelat ukoll li fiż-żmien li kien qed jokkupa fost l-ogħla karigi fl-Enemalta, Leone Ganado kien ingaġġa lill-Frank Sammut bħala konsulent tiegħu u tal-bord tad-diretturi. L-istess Sammut ftit tas-snin wara spiċċa mixli fl-iskandlu taż-żejt.
Din mhix l-ewwel darba li Leone Ganado kien fiċ-ċentru tal-attenzjoni hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu kien għajjar lid-deputat Laburista bħala qaħba. Tgħajjir li skontu kien kumment ġust. Leone Ganado kien ukoll fiċ-ċentru ta’ kontroversja oħra hekk kif għall-istmerrija ta’ bosta spiċċa jattakka lit-tfal tal-Prim Ministru.