Godfrey Leone Ganado, li fl-aħħar snin smajnih kemm-il darba jħambaq favur il-korrettezza fis-settur finanzjarju, huwa direttur ma’ persuna li tinsab investigata saħansitra mill-FBI.
Il-gazzetta Kullħadd żvelat kif Greg Lindberg, li huwa Amerikan, jinsab investigat fuq atti kriminali fis-settur finanzjarju. Investigazzjoni li ġiet irrapurtata mill-midja internazzjonali.
Lindberg kellu kumpanija bl-isem ta’ Standard Re. Kumpanija li issa ilha mingħajr liċenzja sa mis-sena li għaddiet.
Il-midja Amerikana rrapurtat kif Lindberg huwa donatur tal-Partit Repubblikan fl-Istati Uniti u fost l-oħrajn l-investigazzjoni qed tinvolvi donazzjoni ta’ żewġ biljun dollaru f’sena waħda biss.
Il-Kullħadd sostniet li l-MFSA saħansitra segwiet dan il-każ tal-kumpanija li hemm fiha l-Amerikan investigat mill-FBI.
Mal-Amerikan, fil-bord tal-kumpanija hemm żewġ Maltin biss; Joseph Grioli u Leone Ganado.
Fuq Leone Ganado waqa’ skiet li jtarrax wara li mar fuq għexieren ta’ programmi jitkellem dwar ir-reputazzjoni finanzjarja u kif pajjiżna għandu jħarisha.
Fil-fatt imkejjen mis-settur finanzjarju li tkellmu mal-gazzetta Kullħadd qalu li l-inqas ħaġa li kellu jagħmel Leone Ganado kien li jiddikjara li jpoġġi fuq l-istess mejda ma’ min jinsab taħt il-lenti ta’ investigazzjoni serja fosthom fuq ħasil ta’ flus.
Leone Ganado kien kontributur regolari fil-blog ta’ Daphne Caruana Galizia u dejjem appoġġja lil Occupy Justice u l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Taħt Gvern Nazzjonalista huwa nħatar chairman tal-Enemalta fi żmien fejn din il-korporazzjoni marret mill-ħażin għall-agħar.
Bħalissa qed jaffaċċja libell li fetħitlu d-deputat Laburista Rosianne Cutajar wara li għajjarha qaħba.
Dik deskritta minn bosta bħala arroganza ta’ Godfrey Leone Ganado laħqet l-ogħla livelli meta f’jum il-Milied attakka lill-ulied il-Prim Ministru.