Leonard Camilleri huwa l-vittma tal-isplużjoni fil-Kamra tan-Nar ta’ San Ġużepp.
Qalet dan is-Soċjetà Mużikali ta’ San Ġużepp li sellmet lil Camilleri, ex-Licensee tas-Kamra tan-Nar.
Il-każ seħħ kmieni is-Sibt filgħodu għall-ħabta tas-07:10 fi Triq Ħal Far, f’Ħal Kirkop.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma wkoll li f’din l-isplużjoni weġġgħu tliet persuni oħra.
L-ewwel li nstemgħet kienet splużjoni żgħira segwita minn waħda ferm akbar li nstemgħed minn diversi bnadi madwar il-pajjiż speċjalment min-nofsinhar ta’ Malta. Wara kien hemm ukoll splużjoni oħra li ħolqot kolonna kbira bajda ta’ duħħan.
Immedjatament taħt maltempata tax-xita, skattat operazzjoni kbira ta’ salvataġġ, kkordinata minn ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ suldati mit-Taqsima ta’ Spluzziv u Ordinanza tal-Forzi Armati ta’ Malta. Minħabba l-perikli kbar li hemm fis-sit fejn seħħ l-inċident il-Pulizija għalqet diversi toroq bħala prekawzjoni u biex tiffaċilità wkoll l-aċċess għall-vetturi tal-emerġenza.
Diversi metri ‘l bogħod minn fejn seħħ il-każ inġabru wkoll diversi timijiet mediċi fejn remgħu klinika mobbli li mistennija tibqa’ topera it-tul tal-operazzjoni kollha. Fiha inġabru wkoll xi qraba u dilettanti tan-nar Koppin.
Minħabba l-perikli kbar ta’ murtali u materjal pirotekniku ieħor li baqa’ u minħabba perikli li ġew ikkawżati mill-maltempata, il-ħaddiema tas-salvataġġ għadhom ma jistgħux jidħlu fis-sit fejn hemm il-kamra tan-nar.
Dwar dan il-każ inħatret Inkjesta Maġisterjali.