It-think thank tal-Partit Laburista, Fondazzjoni IDEAT, organizzat l-aħħar diskussjoni minn sensiela bit-tema ‘Stigma’, din id-darba b’lenti fuq il-kriminalità u l-vizzji. L-attività saret fl-Ispazju Kreattiv fil-Belt Valletta
Fost il-kelliema fid-diskussjoni, li mexxietha ċ-Chairperson tal-IDEAT, Elaine Degiorgio, kien hemm Charlie Mifsud mill-Fondazzjoni RISE; Kayne Said mill-Fondazzjoni Logħob Responsabbli (l-RGF); Renald Barbara, li bħalissa qiegħed jattendi għal programm ta’ rijabilitazzjoni; u Robert Galea, li lesta l-programm tal-Fondazzjoni RISE.
Diversi individwi li skontaw sentenza l-ħabs jew għelbu l-vizzju tad-droga kienu fl-udjenza u wkoll qasmu l-esperjenzi tagħhom.
Ħa sehem ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, li rrimarka li l-Gvern għandu jkompli jagħmel tibdil fil-liġijiet biex jindirizza dak li qed ixekkel lil dawk li skontaw sentenza l-ħabs u li lllum il-ġurnata rnexxielhom joħolqu futur għalihom infushom milli jibdew kapitlu ġdid. Dawn jibqgħu isibu diffikultajiet mis-sistemi tas-soċjetà, bħal meta jiġu biex jaċċessaw kontijiet bankarji. Kien għalhekk li, fl-ewwel xhur ta’ din il-leġiżlatura, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg ngħata biou għal diskussjoni pubblika dwar ir-riforma sabiex dawn l-individwi jingħataw it-tieni ċans.
Ic-Chair ta’ RISE, Charles Mifsud, semma wkoll id-diffikultajiet li dawn l-individwi jsibu mhux biss mal-banek, iżda wkoll meta wieħed jiġi biex iġib ċerti liċenzji, jew fejn jidħlu xogħlijiet mal-Gvern li għalihom tintalab il-kondotta, u ostakli oħra li jwaqqfu individwi anke milli jsibu xogħol u jirċievu paga. Huwa staqsa, “Allura fejn irriduhom jaslu lil dawn in-nies, jekk is-sistema terġa’ tibgħathom fuq is-servizzi soċjali?” Charles Mifsud saħaq fuq is-saħħa tal-programmi ta’ integrazzjoni mill-ġdid, li jgħinu lil dawn l-individwi jlestu għall-ħajja ta’ wara l-ħabs.
Renald Barbara għamel il-programm ta’ kontra d-droga offrut minn Sedqa, u bħalissa qed jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni tal-Fondazzjoni RISE. Huwa spjega kemm ikun faċli li niġġudikaw lil ħaddieħor, iżda kif ir-realtà tolqot lilna u lill-familji tagħna malajr nibdlu fehmitna. Hu qal ukoll li inutli jkollna dan il-qafas kollu, bħar-RISEl- biex imbagħad jinstabu ostakli oħra bħall-banek. “L-imħabba tiegħi lejn id-droga kienet kbira ħafna u dħalt l-ewwel darba l-ħabs meta kelli 16-il sena. Illum għandi tifel ta’ sitt snin u l-imħabba tiegħi lejh hija ikbar minn dik għad-droga,” irrimarka Renald.
Robert Galea, li skonta sentenza l-ħabs, appella biex individwu li jrid jinbidel u jaddatta għal ħajja aħjar għandu jaqbad it-triq tiegħu u ma jagħtix kas il-preġudizzji tas-soċjetà. “Jien ma tantx sofrejt stigma għax kelli struttura, kelli xogħol lest, u ħafna nies kienu hemm biex jgħinuni, imma jekk ma jkollokx din l-għajnuna trid tgħaddas rasek u taħdem,” qal Robert.
Kayne Said, mill-RGF, tkellem rigward il-vizzju tal-logħob tal-azzard, u rrimarka dwar il-mod kif qed nedukaw lit-tfal b’sitwazzjonijiet reali anke meta jkun hemm esperjenzi fil-familji, l-għajnuna li jirċievu dawk li jkunu fil-vizzju, u r-rijabilitazzjoni li bħala pajjiż noffru. Semma wkoll kemm hu importanti li nibqgħu ngħaddu l-għarfien dwar il-gaming, il-gambling, u anke t-tombla, u biex naraw li wieħed jilgħab b’mod responsabbli.
Għal assistenza kontra l-vizzju tad-droga tista’ tikkuntattja lis-Sedqa u lill-Caritas. Għal kontra l-vizzju tal-logħob tal-azzard tista’ tikkuntattja lill-RGF. F’każ li inti jew qraba tiegħek skontaw sentenza l-ħabs u qed tfittxu integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà tista’ tikkuntattja lill-Fondazzjoni RISE.