Ix-xebh u l-varjazzjonijiet fl-oqsma kollha tal-ħajja bejn in-nisa u l-irġiel f’Malta u Għawdex ġie miġbur u dokumentat f’pubblikazzjoni waħda mid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Dan sar skont il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Integrazzjoni l-GEMSAP.
Il-pubblikazzjoni ta’ aktar min 160 paġna hija maqsuma f’seba’ taqsimiet li jkopru l-popolazzjoni, s-saħħa, l-benesseri soċjali, l-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol, il-kriminalità u l-parteċipazzjoni fil-politika.
Fost l-indikaturi ewlenin li joħorġu minn din l-istatistika hawn iktar irġiel milli nisa fil-popolazzjoni Maltija. Il-pubblikazzjoni tikkonferma t-tnaqqis fir-rata tat-twelid mill-ommijiet Maltin u li n-nisa jgħixu aktar mill-irġiel.
Fil-qasam tas-saħħa hemm differenzi bejn l-irġiel u n-nisa f’dik li hija obeżità, tipjip u l-inċidenza tal-kanċer, b’dak tas-sider komuni fin-nisa waqt li tal-prostata komuni fl-irġiel.
L-istatistika turi li l-bniet qegħdin jgħaddu lis-subien fl-edukazzjoni terzjarja iżda huma inqas mis-subien fil-korsijiet tax-xjenza u t-teknoloġija. Fil-qasam tax-xogħol in-nisa huma sottorappreżentati, anki fl-ogħla karigi fil-politika u fil-postijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Anki jekk ir-rata tan-nisa fis-settur tax-xogħol qabżet ’l fuq minn waħda baxxa ferm u llum qabżet sew il-medja Ewropea.
B’reazzjoni għal dan ir-rapport, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, saħqet li filwaqt li din ir-riċerka turi li għad fadal ħafna aktar xi jsir f’dan il-qasam, żgur li din ir-riċerka ser isservi ta’ referenza sabiex professjonisti jgħinu fil-ħidma bil-għan li pajjiżna jilħaq il-mira tiegħu u jkollna soċjetà ħielsa minn diskriminazzjoni bejn il-ġeneri.
Intant, Maria Ellul, kap tat-taqsima tal-Gender Mainstreaming fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, spjegat kif l-għan ewlieni ta’ din il-pubblikazzjoni huwa li tipprovdi fehim aktar ċar tad-differenzi bejn is-sessi f’setturi differenti f’Malta.
Id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika Etienne Caruana qal li din il-ġabra ta’ indikaturi ser iservi bħala għodda importanti għal policymakers u riċerkaturi għat-tfassil ta’ policies dwar l-ugwaljanza.