Waqt laqgħa fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza, il-Ministru Helena Dalli, u Lorna Vassallo, kandidata għall-Parlament Ewropew, iddiskutew il-ħtieġa ta’ miżuri sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-Parlament Malti. Dan fid-dawl tal-fatt li skont l-Interparliamentary Union, Malta ġiet fil-150 post minn iktar minn 190 pajjiż jew parlament indipendenti fid-dinja f’Ġunju 2018, bi 8 deputati eletti nisa biss minn parlament ta’ 67 fl-aħħar elezzjoni ġenerali, waqgħa ta’ 4 postijiet mill-2016.
Lorna Vassallo diġà kkontestat tliet elezzjonijiet ġenerali fuq it-tnax-il distrett u kienet proprju l-wegħda tal-PM Muscat li jintroduċi miżuri pożittivi favur in-nisa flimkien mal-programm LEAD li reġġgħuha lura għall-ħajja politika. Minkejja li qatt ma kienet fil-Parlament, l-esperjenza tagħha fil-politika u l-ħidma fuq id-distrett għallmuha ħafna. In-nisa huma dejjem ġodda fil-politika u jridu jtellqu ma’ irġiel li ilhom fil-Parlament. Dawn għandhom ħafna aktar riżorsi, kuntatti u spazju fuq il-mezzi tax-xandir u jkun ilhom jaħdmu fuq id-distrett minn diversi elezzjonijiet qabel. Kieku nisa ġodda fil-politika jikkontestaw ma’ rġiel ġodda d-diskrepanza probabbilment ma tkunx teżisti. Dan iwassal ukoll biex 20% tas-siġġijiet biss ikunu disponibbli għal deputati ġodda fi kwalunkwe elezzjoni ġenerali.
Lorna Vassallo hija wkoll favur l-introduzzjoni ta’ sabbatical, għal nisa fil-politika i.e. li mara impjegata tibbenifika minn ħlas tal-paga sħiħa fuq ix-xogħol meta hi tapplika għal perjodu ta’ leave minħabba politika, bil-perjodu ta’ żmien li tista’ tibbenifika minnu jiddependi minn liema elezzjoni ser toħroġ għaliha. Lorna Vassallo tiġġustifika din il-konċessjoni tas-sabbatical a bażi tad-differenza bejn il-pagi bejn in-nisa u l-irġiel li hija statistikament ippruvata, il-fatt li 99%+ tan-nisa ma jgawdux l-appoġġ ta’ raġel tad-dar (househusband), kif ukoll il-fatt illi huma n-nisa li fil-fatt jispiċċaw jieħdu ħsieb lil uliedhom u d-dar minkejja l- ugwaljanza fuq il-karta. Fil-każ ta’ nisa li jaħdmu għal rashom, jew nisa tad-dar, il-ħlas għal sabbatical ikun jista’ jiġi kkalkulat fuq il-medja ta’ dħul fuq medda tal-aħħar snin riċenti jew b’referenza għall-aħħar impjieg li kellhom.
Lorna Vassallo wriet l-apprezzament tagħha wkoll lejn il-ħidma bla heda tas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli li hija responsabbli minn din ir-riforma li qed tippromovi miżuri pożittivi għal aktar nisa fid-dinja politika. Is-Segretarju Parlamentari sostniet li bħalissa għaddejja ħidma importanti biex fil-ġimgħat li ġejjin jitressaq quddiem il-pubbliku dokument ta’ konsultazzjoni li jrid iwassal sabiex 50% tal-kandidati li jikkontestaw l-Elezzjoni Ġenerali tal-2027 ikunu nisa. Il-Ministru Helena Dalli rringrazzjat lil Lorna Vassallo tal-parteċipazzjoni tagħha kemm fil-ħajja politika Maltija kif ukoll fil-ġurnali dawn l-aħħar għoxrin sena, għaliex hi wkoll isservi ta’ ispirazzjoni għal nisa oħra.