Sal-bidu tas-sena d-dieħla mistenni jkun lest ix-xogħol infrastrutturali fuq it-telgħa tal-Imtaħleb fir-Rabat.
Biex b’investiment ta’ nofs miljun ewro, qed titwettaq wegħda elettorali oħra ta’ Gvern Laburista.
Din it-triq mhux biss tintuża mir-raħħala u l-bdiewa, iżda wkoll mill-mijiet ta’ dilettanti tal-karozzi f’pajjiżna, fejn kull sena ssir it-tellieqa bil-karozzi tal-hill climb.
Ix-xogħlijiet qed isiru minn Transport Malta, fejn it-triq qed tingħata wiċċ ġdid bl-iskop li ssir triq għat-telgħa b’livelli tajbin għall-użu ta’ motor sports kompetittivi.Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg innota li permezz ta’ wegħda elettorali oħra li qed titwettaq fi żmien rekord, il-klabbs se jkunu jistgħu jużaw it-triq għat-tlielaq mill-aktar fis.
Il-Ministru Borg qal li “Bi triq ġdida u b’faċilitajiet li huma aktar safe, ser ikunu jistgħu jgawdu l-isports tagħhom b’infrastruttura aħjar.”
Filfatt, is-Segretarju Parlamentari għall-Isports Clifton Grima nnota kif dal-proġett jinkludi fih miżuri ta’ sigurtà li qabel ma kinux jeżistu għad-dilettanti tal-karozzi.
Grima qal li “Jekk wieħed iħares mil-lat tekniku, iż-żrara użata hija waħda partikolari li tara li jkun hemm safety features u anki speed neċessarju milħuq sabiex dan l-isport ġewwa pajjiżna jkompli jifjorixxi.”