Fi Stqarrija għall-Istampa l-kandidata għall-Parlament Ewropew Lorna Vassallo saħqet illi Brexit ser ibiddel l-alleanzi ġeo-lingwistiċi tal-Istati Membri Ewropej. Għall-ewwel darba sa mis-Sħubija Sħiħa fl-UE, Malta ser issib lilha nnifisha mingħajr ir-Renju Unit. Tant hu hekk, li se jkun biss permezz ta’ Malta u l-Irlanda, li l-lingwa Ingliża ser tibqa’ lingwa tal-UE.
U għat-tieni darba fl-istorja, wara t-tieni gwerra dinjija, ninsabu mifruda ideoloġikament minn mal-pajjiż ġar u alleat tradizzjonali tagħna l-Italja minħabba l-immigrazzjoni fil-Mediterran.
Wara Brexit, id-dinja politika ser tinbidel. U partikularment, l-alleanzi politiċi tal-Maltin. Se jkollna ngħixu u ninnegozjaw aktar mal-Istati l-kbar l-oħra Ewropej, ewlenin fosthom, il-Ġermanja u Franza. U l-lingwa hija wkoll mod ta’ ħsieb, stil ta’ ħajja, tendenza u influwenza.
Brexit jista’ jxaqleb l-attitudni, il-kultura legali u amministrattiva, kif ukoll il-miżien lingwistiku Ewropew lejn sistema ferm iktar kontinentali. Huwa għalhekk illi l-Membri Parlamentari Ewropej f’Parlament ġdid f’Ġunju li ġej iridu jkunu lesti li jħossuhom komdi f’dinja ddominata mill-Ġermanja u Franza waħedhom.