Tnieda l-proġett Prepare the Ground for Independence sabiex jigu indirizzati d-differenzi bejn il-ġeneri li jillimitaw l-indipendenza ekonomika tan-nisa.
Il-Kumissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza Renee Laiviera qalet li minkejja ż-żieda ta’ nisa fis-suq tax-xogħol, għad hemm diversi sfidi għall-mara meta toħroġ taħdem:
“Il-Gvern, il-politika tiegħu rajniha tul dawn l-aħħar snin biex inżidu iktar nisa fis-suq tax-xogħol u qed naraw iż-żieda sostanzjali. Imbagħad ukoll naraw li waqt li hemm numru iktar ta’ nisa li qedgħin jaħdmu, hemm dik li ngħidulha l-gender pay gap, id-differenza tal-introjtu bejn in-nisa u l-irġiel, u din hija ta’ 11%”.
Qalet li waqt li hemm iktar nisa milli irgiel li jaħdmu fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni, setturi oħra li jħallsu iżjed bħat-teknoloġija jattiraw iktar irġiel.
Il-Kummissarju qalet li n-nisa huma f’riskju ikbar ta’ faqar jew esklużjoni soċjali mill-irġiel tul ħajjithom u dan jiżdied mal-età:
“Qed nħarsu lejn kemm il-bidu, x’se jinfluwenzana biex nagħmlu dawn l-għażliet u wkoll fejn se jwasslu dawn l-għażliet għax barra mill-fatt li jkollok il-paga, għandek ukoll x’se jiġri mill-pensjoni tiegħek. U jekk inti għandek gap fil-paga bejn in-nisa u l-irġiel se jkollok gap ukoll meta inti tirtira u inti jkollok bżonn il-flus għax ma tkunx tista taqla iżjed”.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli saħqet li l-indipendenza ekonomika ugwali bejn in-nisa u l-irġiel issaħħaħ l-ekonomija u tnaqqas l-abbuż fuq il-mara:
“Għandek il-fatt li f’relazzjonijiet fejn hemm abbużi, ħafna drabi il-mara jkollha tibqa’ għaliex ma tkunx ekonomikament indipendenti. Allura qiegħda tiddependi finanzjarjament minn min qed jabbużaha”.
Il-Ministru Dalli qalet li inizjattivi li ħa l-Gvern bħaċ-childcare b’xejn u Klabb 3-16 li wasslu biex ir-rata tan-nisa fis suq tax xoghol tiżdied b’aktar minn 12%, u naqqset l-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.