Ix-xogħlijiet fiż-żona miftuħa ddedikata, fost oħrajn, għall-kunċerti fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali waslu fi stadju finali biex dalwaqt tinfetaħ għall-pubbliku.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, waqt żjara li għamlu fl-istess park.
Il-Ministru Bonett spjega kif din iż-żona, li sa ftit ta’ snin ilu kienet impjant tal-konkos miksi b’tunellati ta’ materjal tal-kostruzzjoni mormi illegalment, issa ġiet żviluppata kompletament mill-ġdid fi spazju miftuħ li se joffri l-faċilitajiet kollha possibbli biex jistgħu jittellgħu attivitajiet tal-massa tal-ogħla livell.
“Hu proġett għall-familji, proġett li għandu użi differenti, concert area, se jkun hawn il-kunċerti li ħa jsiru, se jintuża wkoll bħala spazju miftuħ għall-familji kollha, proġett li jidħol fil-qalba tal-politika tal-Gvern. Li ħa nibqgħu nagħtu aktar spazji miftuħa lill-familji tagħna.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia qal li dan hu proġett ieħor minn sensiela li jixhdu l-politika b’saħħitha li adotta dan il-Gvern biex ikompli jagħti lin-nies spazji ħodor u miftuħa biex jitgawdew mill-familji tagħna, bi spazju kbir għal 500 vettura wkoll.
“Din iż-żona tal-kunċerti f’Ta’ Qali hi parti integrali ta’ xogħlijiet, li saru mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, fir-riġenerazzjoni ta’ dan il-park, f’Ta’ Qali. L-akbar spazju aħdar f’pajjiżna, b’daqs ta’ 20 grawnd tal-futbol. Se nkomplu naħdmu biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.”
Iż-żona tal-kunċerti fil-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali se tkun mgħammra bl-aqwa teknoloġija u faċilitajiet biex tilqa’ fiha kunċerti tal-ogħla livell u attivitajiet tal-massa.
Fost dawn il-faċilitajiet, din iż-żona se jkollha dressing rooms u backstage taħt l-art, klinika, control room tas-sigurtà, żewġ design kiosks u 144 toilet.
Minbarra hekk, l-ilma kollu għal din iż-żona se jittella’ minn ġibjun kbir li jinsab taħt l-ispazju aħdar tal-istess park. Iż-żona se tkun mgħassa b’kameras tas-sigurtà 24 siegħa kuljum.
Din iż-żona se tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’pajjiżna u fl-aħħar kwart ta’ din is-sena mistennija tilqa’ fiha l-ewwel minn sensiela ta’ kunċerti internazzjonali.
Il-Kap tal-Unit tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, Jason Micallef, stqarr li din hi l-akbar riġenerazzjoni fuq spazji ħodor differenti li qatt twettqet f’pajjiżna li qed tħalli r-riżultati mixtieqa. Semma kif il-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali llum għandu struttura mwaqqfa biex timmaniġġja dan il-park nazzjonali, inkluż iż-żamma tiegħu.