Il-linja tal-ajru Awstraljana Qantas qed tiddiskuti l-possibilità ta’ titjiriet diretti t’20 siegħa bejn Londra u Sydney.
Il-Kap Eżekuttiv tal-linja tal-ajru Alan Joyce qal mal-BBC li d-diskussjonijiet mal-kumpaniji tal-ajruplani tat-tip Airbus u Boeing jinsabu fi stadju avvanzat, u jemmen li jekk titnieda r-rotta tkun waħda popolari u jkun hemm domanda qawwija għaliha.Jekk jintlaħaq qbil dwar ajruplani li jkunu jistgħu joperaw dawn it-titjiriet, din ir-rotta mistennija tibda fl-2022.
Il-linja tal-ajru għandha wkoll pjani li tibda titjiriet diretti bejn l-Awstralja u l-Amerka ta’ Fuq – rotta li hija ftit iqsar minn dik ta’ bejn Londra u Sydney.
F’Marzu li għadda, Qantas nediet ir-rotta bejn Londra u Perth – twila sbatax-il siegħa. Minn meta tnediet sal-lum, din ir-rotta rat medja ta’ 92% bejgħ fil-kategorija economy, u 94% fil-kategorija business.