Fix-xhur li ġejjin se toħroġ sejħa t’interess biex f’bini fl-Imtarfa tinbena t-tieni skola internazzjonali f’pajjiżna.
Skola li se ssegwi dik f’Pembroke li twaqqfet f’pajjiżna lura 1976.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo spjega ma’ ONE News kif il-Gvern ħa dan il-pass fi sfond t’ekonomija b’saħħitha sostnuta b’investimenti kbar.
Huwa spjega li l-Gvern jixtieq li jagħmel sejħa pubblika biex investituri privati jieħdu sehem biex jirrestawraw post pubbliku u jmexxuh bħala skola internazzjonali.
Din l-iskola, li mistennija tilqa’ fiha mijiet ta’ studenti ta’ bejn it-tlieta u t-tmintax –il sena, se tinbena fid-dawl tad-domanda li kull ma jmur qed tiżdied ta’ investituri li jiġu f’pajjiżna u jridu jibagħtu lil uliedhom fi skola internazzjonali.
Fil-Verdala International School f’Pembroke, preżentament il-medja ta’ studenti f’kull klassi hija ta’ ħmistax – sabiex tkun assigurata l-attenzjoni individwali.
Il-lezzjonijiet jingħataw bl-Ingliż, u s-sistema edukattiva hija simili għal dik fl-Istati Uniti.
Skola li mistennija sservi ta’ mudell biex fuqu tinbena oħra fl-Imtarfa.