Il-Ministru fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi, qal li fis-settur tal-enerġija l-għan tal-gvern mhuwiex biss li jlaħħaq mal-istandards Ewropej, iżda li jaqbiżhom.
Meta hu wkoll kien qed jitkellem fl-inawgurazzjoni tal-bastiment li se jipprovdi l-gass f’Dellimara, fakkar li bil-proġett tal-impjant il-ġdid se jonqsu b’iktar minn nofs l-emissjonijiet tas-CO2 u se jonqsu b’90% it-trabijiet magħrufa bħala particulate matter. Spjega kif dan mhux proġett iżolat għax fl-istess ħin il-gvern qed jivesti f’enerġija rinovabbli u konnetività mal-Italja.
Spjega kif il-proġett tal-impjant il-ġdid sar bis-sehem ta’ esperti ta’ livelli mondjali u dak li għaddej se jgħamel is-sistema tal-enerġija f’Malta waħda ‘world class.’
Saħansitra fakkar kif il-proġett tal-Electro Gas diġa’ rebaħ unur internazzjonali tal-aqwa proġett is-sena li għaddiet. Qal li l-isfidi kienu diversi u hawn irringrazzja lill-kumpaniji u entitajiet li ħadmu fuq il-proġett, fosthom ħafna kumpaniji internazzjonali.
Meta tkellem fuq il-Floating Storage Unit, li kien qed ikun inawgurat, spjega kif dan kien iddisinjat għal Malta u ta dettalji dwar dan.