Bħalissa għaddejja ħidma biex jitwaqqaf servizz ta’ medjazzjoni bejn il-vittma u min iwettaq ir-reat. Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern Carmelo Abela b’reazzjoni għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Carmelo Mifsud Bonnici.
Il-Ministru spjega kif s’issa s-servizz ma setgħawx jibdew minħabba li kellu jinbena l-qafas biex dan jista’ jitħaddem sew u jiġi evitat ‘secondary victimisation’.
Huwa qal li madanakollu diġà saru diversi inizjattivi. Fuq firxa ta’ diversi xhur diġà sar programm ta’ taħriġ għall-medjaturi prospettivi, filwaqt li tfasslet espressjoni ta’ interess biex issir ukoll sejħa għall-medjaturi prospettivi.
Tlesta wkoll it-tfassil tal-Victims’ Charter kif ukoll id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex ikun jista’ jitħaddem il-medjazzjoni, mill-membri tal-Victim Offender Mediation Committee.
Fl-aħħar xhur, id-dipartiment tal-Probation u Parole għadda wkoll minn rilokazzjoni għall-bini ġdid. Bini li huwa mgħammar u addatat għal dan is-servizz. L-uffiċini l-ġodda jinkludu żona ta’ stennija separat mill-offenders, kamra biex isiru l-laqgħat bejn iż-żewg partijiet, jiġifieri bejn il-vittma u min iwettaq ir-reat, kif ukoll ġew implimentati miżuri ġodda relatati mas-sigurtà.
Huwa qal li qed isiru wkoll laqgħat ma’ partijiet ikkonċernati, inkluż id-dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi.
Dawn huma kollha passi pożittivi mmirati favur l-introduzzjoni tas-servizz ta’ medjazzjoni taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.