Bħala parti mill-ħidma lejn ir-riforma fil-Korp tal-Pulizija, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela talab liċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Anthony Agius Decelis sabiex jiddiskuti f’dan il-kumitat l-istrateġija ġenerali għall-Korp tal-Pulizija.
Fl-ittra mibgħuta ġie indikat li dan id-dokument se jkun wieħed ta’ strateġija meqjusa bħala ġenerali u ‘high level’ u għaldaqstant mhux se jkun hemm dettalji minħabba li x-xogħol fuq din l-istess strateġija għadu għaddej. Il-ħsieb huwa li d-diskussjoni f’dan l-istadju ma tkunx fuq id-dettal imma fuq punti ta’ prinċipju u strateġija proattiva.
Il-Ministru Abela talab ukoll li f’dan l-istess kumitat jiġu ppreżentati r-riżultati li ħarġu minn kwestjonarju li sar fost il-membri tal-Korp tal-Pulizija lejn l-aħħar tas-sena 2015. Dan kien sar bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni mill-Ministeru għall-Intern mal-Korp bil-għan li r-riforma tkun waħda mill-Pulizija għall-Pulizija. F’dan il-kwestjonarju anonimu ġew analizzati diversi temi, ideat, suġġerimenti u ilmenti li tressqu mill-membri fuq it-titjib li jixtiequ jaraw fil-Korp.