F’dawn l-aħħar ġimgħat, id-Direttorat tal-Kultura beda proċess interessanti li għandu jwassalna biex ikollna Politika Kulturali Nazzjonali għas-snin 2020–2025. Mhux l-ewwel darba li pajjiżna ħass il-ħtieġa li jaddotta din it-tip ta’ politika, fl-2011 kellna l-ewwel waħda. F’seba’ snin ix-xena kulturali f’Malta u Għawdex inbidlet għal kollox.
Fl-2011, il-Gvern kien jinvesti mas-€26 miljun fis-sena f’dan is-settur. Din is-sena, il-Gvern qed jinvesti €70 miljun. Il-programm elettotrali tal-Gvern jimpenjah li jinvesti aktar.
Qegħdin fis-sena li niċċelebraw il-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Rajna diversi attivitajiet kulturali kbar u għad baqa’ iktar x’naraw. Għandna Kunsill Malti għall-Arti dinamiku, li jiftaħ opportunitajiet kbar għall-artisti Maltin. Twaqqfet Festivals Malta li kompliet tgħolli l-livell tal-festivals. Għandna Pjazza Teatru Rjal li ta l-ħajja lit-teatru miftuħ. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta laħqet livelli bla preċedent, u saret tpaxxi lin-nies fl-aqwa swali Ewropej. Ingħata bidu għal Żfin Malta u Teatru Malta. Il-kullana ta’ suċċessi ma tispiċċa qatt. Mhux qed ngħodd il-biżibilju ta’ attivitajiet kulturali li organizzati fil-komnunitajiet, ħafna drabi anke bis-sehem tal-Kunsilli Lokali.
Meta wieħed jara dan kollu, bilfors irridu nħarsu lejn politika kulturali ġdida. Mhux aħna biss qed naraw dan ir-rinaxximent ġdid. L-Ewropa kollha trid tpoġġi l-kultura fuq nett tal-aġenda politika. Wara kollox, l-2018 hi s-sena tal-Wirt Kulturali Ewropew. Sebgħa minn kull għaxar ċittadini Ewropej iħossuhom kburin bil-wirt kulturali. L-Ewropa għandha ‘trade surplus’ ta’ €8.7 biljun f’prodotti kulturali. Fl-Unjoni Ewropea għandha 8.7 miljun persuna li jaħdmu fil-qasam kreattiv.
Kollox ward u zahar? L-għaxar diskussjonijiet pubbliċi li kellna f’Mejju u Ġunju messu ħafna temi li jistgħu joffrulna sfidi nteressanti u opportunitajiet ġodda.
Ittrattajna diversi temi, fosthom il-wirt kulturali, l-innovazzjoni kulturali li tressaqna lejn ekonomija kreattiva, l-effett tal-globlizzazzjoni, id-diversità kulturali, l-istat professjonali tal-ħaddiema f’dan is-settur, il-kapital kulturali u l-edukazzjoni, kif ukoll il-prattika artistika miż-żgħażagħ li twassal għall-ċittadinanza attiva, ħsieb kritiku u empowerment.
Affaxxinajt ruħi bis-sehem attiv tal-attendenzi numerużi. Ftit ferm kienu d-diżappunti li ħassejt minn dawn il-laqgħat.
Xtaqt nara aktar parteċipazzjoni mill-industrija privata, li naraha għadha mhux parteċipi biżżejjed, ħlief il-kumpaniji kbar li jħossu din ir-responsabilità soċjali. Ikkonfermajt kemm minn xi daqqiet għandna frammentazzjoni fost l-għaqdiet volontarji.
Ftit ferm kienu l-affarijiet li dejquni ħdejn il-posittività enormi li kienu karatteriżżata il-laqgħat kollha.