B’investiment ta’ madwar miljun u nofs ewro tnediet l-iskema sabiex il-Kunsilli Lokali u r-reġjuni madwar Malta u Għawdex joħolqu proġetti varji li jkunu aktar aċċessibli u ta’ mobiltà fil-komunità.
Din l-iskema tħabbret mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Josè Herrera li qal kif l-aċċessibilità fil-lokalità hija kruċjali għar-residenti tal-lokal sabiex dawn ikollhom l-abbiltà li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum.
Il-Ministru Herrera spjega: “L-idea hi li b’dawn il-flus isiru proġetti biex itejbu l-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet, fil-kunsilli u fir-reġjuni u proġetti li jkunu jindirizzaw ukoll l-aktar nies vulnerabbli, l-anzjani tagħna, in-nies bi bżonnijiet speċjali.”
Fost proġetti li jistgħu japplikaw għalihom il-kunsilli lokali hemm dawk ta’ aċċessibilità adekwata f’postijiet pubbliċi li jistgħu jinkludu lifts, spazji għas-siġġijiet tar-roti jew rampi, fost oħrajn.
Id-Direttur Ġenerali tal-Ministeru Natalino Attard qal kif din l-iskema se tkun qed ittejjeb l-għiexin fil-komunità u spjega kif il-kunsilli lokali għandhom japplikaw.
Is-Sur Attard qal: “Meta jinħarġu dawn il-kriterji, il-kunsilli lokali jew reġjonali japplikaw. Imbagħad ikun hemm bord ta’ aġġudikazzjoni illi skont il-kriterji jkollu numru ta’ marki.”
Wara dan il-proċess il-kunsilli lokali jew dawk reġjonali se jingħataw il-fondi sabiex iwettqu dawn il-proġetti li jkunu applikaw sabiex jagħmlu.