Fil-kumpless sportiv ta’ Bormla se jibda x-xogħol biex f’pajjiżna jkun hawn pixxina nazzjonali msaqqfa. Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari Chris Agius li fakkar li din kienet wegħda elettorali u issa qegħdin pass eqreb li titwettaq wara li nħarġu l-permessi kollha neċessarji. Proġett li se jiswa €6,000.000.
Din is-sessjoni ta’ Gvern li jisma’ kienet indirizzata ukoll mis-Segretarji Parlamentari Ian Borg u Stefan Buontempo. Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ian Borg qal li ntgħażlu numru ta’ kumpaniji żgħar u medji li se jkunu qed jibbenefikaw minn €2,000,000 f’fondi Ewropej, minn pakkett ta’ €50,000,000 li l-Gvern irnexxielu jakkwista minn fondi ewropej.
Borg qal li din l-għajnuna hija xhieda ċara ta kemm il-Gvern irid jagħti spinta l-qasam ta negozji żgħar u medji. Għajnuna li se tissarraf f’aktar impjiegi u biex l-intrapriżi jingħataw l-għajnuna finanzjarja biex ikabbru l-faċilitajiet tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li f’erba’ snin il-Kunsilli Lokali bbenefikaw minn €260,000,000 f’fondi, ammont rekord meta kkumparat ma snin preċedenti. Huwa spjega li minn barra dan l-ammont, kellhom disponibbli għalihom ukoll €12,000,000 f’fondi Ewropej.