“Bħalissa pajjiżna ekonomikament qiegħed jagħmel passi ta’ ġgant. Irnexxielna nnaqqsu l-qgħad għal livelli rekord; livelli li qatt m’esperjenzajnihom f’pajjiżna, imma livelli wkoll illi jħabbtuha tajjeb ħafna ma’ pajjiżi oħra Ewropej.” Qal dan il-kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Dr Alex Agius Saliba f’diskors li għamel fuq il-midja soċjali.
Filwaqt li qal li l-Gvern Laburista għamel qabża kbira fuq livell ekonomiku, Agius Saliba sostna li issa wasal iż-żmien li niffukaw fuq il-bżonn li nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji Maltin u Għawdxin. Aċċenna għal mod li bih il-Gvern beda l-ħidma tiegħu f’dan ir-rigward, fost oħrajn b’miżura li bdiet minn din is-sena u li ser tkun qed tkompli tissaħħaħ is-sena d-dieħla fejn il-familji ingħataw ġurnata żejda leave li kienet insterqet lill-ħaddiema minn Gvernijiet Nazzjonalisti.
Dr Agius Saliba semma wkoll kif il-Gvern qiegħed jinvesti fil-ħaddiema tas-servizz pubbliku u fil-kwalita’ tal-għixien tagħhom billi qeħdin jiġu mogħtija ħamest ijiem leave ta’ paternità. Madanakollu, Agius Saliba nnota li jeżistu diverġenzi kbar meta kkumparat ma’ dak li jiġri fis-settur privat, fejn ma teżisti l-ebda regola fissa f’dan ir-rigward, tant li hemm kumpaniji li jagħtu aktar u hemm oħrajn li jagħtu anqas mill-ħamest ijiem li jagħti l-Gvern lill-ħaddiema tiegħu. Hawnhekk il-kandidat Laburista Dr Agius Saliba qal li jemmen li għandu jkun hemm regoli fissi li jagħtu drittijiet bażiċi ta’ leave ta’ paternità lill-ħaddiema li jaħdmu mas-settur privat, sabiex jinqatgħu dawn id-diskrepanzi.
Agius Saliba għamel referenza għal taħdidiet simili li għaddejjin bħalissa fuq livell Ewropew u speċifikament għal proposta pożittiva li l-ħaddiema kollha Ewropej jingħataw għaxart ijiem leave ta’ paternità. Filwaqt li wera l-appoġġ tiegħu għal din il-proposta, tenna li wieħed għandu wkoll jikkunsidra r-riperkussjonijiet li miżuri bħal dawn jista’ jkollhom fuq in-negozji żgħar u medji.
Il-kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Dr Alex Agius Saliba temm jgħid li jekk jingħata l-fiduċja tal-poplu fl-elezzjonijiet ta’ Mejju 2019, hu ser ikun qiegħed jitkellem aktar dwar l-importanza ta’ dawn il-miżuri u jagħti kontribut fid-diskussjoni Ewropea dwar il-bżonn ta’ regoli fissi ta’ leave ta’ paternità, għaliex jemmen li l-ħaddiema għandhom jingħataw aktar ħin ta’ kwalità mal-familji tagħhom.