Il-bord tal-akkademja tal-korpi dixxipplinati kellu l-ewwel laqgħa tiegħu.
Wara li l-liġi li wasslet għat twaqqif legali tagħha daħlet fis-seħħ riċentament, illum qed jiddiskutu s-sisien li fuqhom l-akkademja se tkun qed topera, f’suġġetti bħat-taħriġ, kwalità u l-opportunità .
L-akkademja se tikkolabora mal-Università ta’ Malta u l-MCAST, biex it-taħrig tal-membri li se jaħdmu l-ħabs, dawk fil-protezzjoni ċivili, il-pulizija b’mod ġenerali u l-Forzi Armati ikun akkreditat.
Ħaddiema li diġa’ jagħmlu parti minn dawn il-korpi ukoll se jibbenefikaw, għaliex se jkun hemm ukoll taħriġ wara li dawn bdew il-karriera tagħhom fil-korpi.
Il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, qal li persuni fil-qasam iridu jħarsu lejn l-impjieg tagħhom bħala karriera. Fakkar li din hija wiegħda mwettqa, għaliex fil-manifest elettorali l-Gvern kien iddikjara li jrid jimmodernizza l-korpi biex ikunu adekwati għaż-żminijiet ta’ llum.
Il-bord se jkun immexxi mill-professur Tanya Mifsud Bonnici, il-pro-rettur tal-Università, flimkien ma’ disa’ membri oħra.