L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA, u l-Awtorità tal-Kompetizzjoni tar-Repubblika tal-Albanija llum iffirmaw ftehim dwar kooperazzjoni bilaterali. B’dan il-ftehim, iż-żewġ awtoritajiet se jkunu qed jirrikonuxxu l-valuri komuni li jimponu r-regolamenti fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni u l-infurzar tal-kompetizzjoni, biex jiġu diskussi l-aħjar prattiċi dwar l-ekonomija tal-antitrust u l-kontroll tal-amalgamazzjonijiet fost oħrajn, u biex jaqsmu riżultati tal-istudji u għarfien ieħor ippubblikat dwar il-politika tal-kompetizzjoni.
Fi stqarrija kien spjegat kif dawn iż-żewġ awtoritajiet għandhom l-għan li joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet bilaterali, li jenfasizza r-rwol tal-kompetizzjoni fl-iżvilupp tal-ekonomija fis-suq. Barra minn hekk, iż-żewġ awtoritajiet se jagħmlu ħilithom biex jiżviluppaw u jaqsmu informazzjoni dwar oqsma ewlenin ta’ interess, inkluż programmi ta’ skambju tal-impjegati, u taħriġ tal-esperti b’tali mod li jibbenefikaw minn esperjenza reċiproka fil-qasam tal-investigazzjonijiet dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.
Dan il-ftehim se jipprovdi qafas għall-koperazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet, inkluż informazzjoni dwar żviluppi tas-suq u deċiżjonijiet adottati. Il-ftehim jindirizza wkoll id-dispożizzjoni taż-żewġ awtoritajiet biex jorganizzaw minn żmien għal żmien, laqgħat ta’ livell għoli bil-għan li jiġu identifikati oqsma u attivitajiet ta’ interess komuni.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Inġinier Helga Pizzuto, Chairperson tal-MCCAA, u Juliana Latifi, Chairperson tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni tar-Repubblika tal-Albanija. Preżenti kien hemm ukoll iss-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, id-Deputat Laburista Clayton Bartolo, u Godwin Mangion, Direttur Ġenerali għall-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-MCCAA.