Għaddiet sena minn meta tnieda l-proġett tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza bl-isem ta’ “Equality beyond Gender Roles”.
Proġett li jippromwovi l-ugwaljanza, lil’hinn mir-rwoli normalment assenjati għal ġeneru partikolari.
Dalgħodu f’lukanda ewlenija f’Tas-Sliema ttella’ Business Breakfast li ta stampa ċara ta’ fejn wasalna, u fejn irridu naslu.
Fil-preżenza ta’ unjins u rappreżentanti ta’ kumpaniji privati, kien spjegat kif statistiċi juru li pajjiżi b’miżuri li jgħinu lill-familja huma iżjed kuntenti, u allura l-pretazzjoni tal-impjegati fuq il-post tax-xogħol tkun ħafna aħjar.
F’dan il-kuntest, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Helena Dalli, sostniet il-bżonn li l-postijiet tax-xogħol ikunu flessibbli għall-ħaddiema.
Dan fi sfond ta’ statistika li turi żieda bla preċedent fin-numru ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol.
Hawnhekk il-Ministru rreferiet għall-miżuri li se jkunu diskussi fiż-żmien li ġej, li jindirizzaw ir-realtà li mhuwhiex biss il-missier li jaħdem għall-familja iżda anki l-omm. Miżuri bħal sick speċjali għal meta jimirdu t-tfal.