Pazjenti li jaqbżu ċertu ammont ta’ stennija għal kura medika partikolari fl-isptar pubbliku, jingħataw trattament privat mingħajr ħlas.
Dan qed ikun propost f’patient charter li tnieda t-Tnejn filgħodu u li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna. Dan huwa dokument ta’ konsultazzjoni strutturat fuq tmien prinċipji biex jinftiehmu aħjar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-pazjenti.
Is-segretarju parlamentari għas-saħħa, Chris Fearne saħaq fuq l-importanza li s-servizz tas-saħħa pubblika jibqa’ bla ħlas. Fisser kif ic-charter huwa qafas li dwaru se jkun hemm diskussjoni u perjodu ta’ konsultazzjoni ta’ xahrejn.
L-istess charter jitkellem ukoll dwar problemi etiċi, dwar l-importanza tal-pazjent fit-tehid tad-deċiżjonijiet, dwar kunfidenzjalita’ u d-dritt li l-pazjent ikollu access għall-file tieghu u anke dwar ilmenti u rispons.
Barra minn hekk, il-pazjent ikollu d-dritt li jfittex li jieħu t-tieni opinjoni. Mhux biss, izda c-charter jitkellem dwar uħud mir-responsabbiltajiet tal-pazjenti fosthom li jieħdu pariri dwar kif jgħixu ħajja aktar b’saħħitha.
Chris Fearne żied jgħid li minn mindu jiġi ppubblikat ic-charter finali, f’temp ta’ sena jridu jiġu implimentati l-miżuri kollha msemmija u li ta’ kull sentejn, ic-charter tal-pazjenti għandu jibqa’ jiġi rrivedut biex jilħaq il-bżonnijiet tal-pazjenti nfushom skont iż-żminijiet.