Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne mexxa diskussjonijiet dwar tliet aspetti mill-qasam tas-saħħa li l-Presidenza Maltija għażlet bħala prioritajiet; l-obeżità fit-tfal, l-HIV u koperazzjoni strutturata. Dan waqt summit informali bejn Ministri Ewropej responsabbli mis-saħħa.
Fearne indirizza lill-mezzi tax-xandir flimkien mal-Kummissarju Ewropew resposabbli mill-ikel u s-sigurtà, Vytenis Andriukaitis, u d-direttur reġjonali tal-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Zsusanna Jakab.
Qal li l-obeżità fit-tfal u l-HIV huma theddida għas-saħħa Ewropea u hemm bżonn għajnuna volontajra bejn stati membri, partikolarment biex ikun hemm aktar aċċess għal mediċini ġodda għal mard rari. Il-Ministru Malti qal li hemm bżonn storja ta’ suċċess meta l-Ewropej jitkellmu dwar pjan ta’ azzjoni fuq l-obeżità. Dan il-pjan għandu jinkludi l-introduzzjoni ta’ dieta Mediterranja f’iktar pajjiżi.
Dwar l-Aids, sar qbil fuq għan ambizzjuż, biex sal-2030 ma jkunx hawn aktar din l-epidemija tal-HIV fl-Unjoni Ewropea. Il-prezz għoli eżaġerat tal-mediċini jaf qed iżomm milli jintlaħaq dan l-għan.
Tkellem dwar il-bżonn ta’ nies speċjalizzati fil-mediċina u aktar taħriġ f’kura speċjalizzata dwar il-mard rari.
Il-Kummissarju qal li dawn id-diskussjonijiet juru kemm Malta hija preparata bl-aqwa mod għar-rwol li għandha. Qal li Ministru għas-Saħħa waħedhom ma jistgħux jiġġieldu kontra l-obeżità, u hemm bżonn ħidma ma’ Ministri f’setturi bħall-agrikoltura u l-edukazzjoni.