F’Diċembru li għadda, il-Membru Parlamentari Laburista Miriam Dalli mexxiet negozjati mal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar liġi biex karozzi ġodda jaħdmu b’teknoloġija nadifa u jintlaħqu l-miri stabbiliti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet CO2 sal-2030.
F’diskussjoni li saret il-Ġimgħa, Dalli spjegat kif l-arja aktar nadifa għaċ-ċittadini li tissarraf fi kwalità ta’ saħħa aħjar, prezzijiet orħos għall-karozzi li jaħdmu b’teknoloġija nadifa u li jonqsu l-effetti ħżiena tat-tibdil fil-klima huma t-tlett punti importanti li fuqhom hija bbażata din il-liġi.
L-istudji juru li din il-liġi mistennija twassal biex jonqsu madwar mija u sebgħin miljun tomna ta’ emmissjonijiet CO2 bejn l-elfejn u għoxrin u l-elfejn u tletin u żieda ta’ €6.8 biljun fl-2030 fil-prodott domestikug ross ewropew, li mistennija joħolqu madwar 70,000 impjieg ġdid.
Dalli qalet ukoll li l-konsumatur mistenni li jiffranka sa €600 fuq kull karozza b’anqas tniġġis li jixtri fl-2025, u fl-2030 mistenni jiffranka sa’ massimu ta’ €1,500 minn fuq kull karozza.
Dr Dalli qalet illi l-perjodu ta’ 11-il sena ta’ tranżizzjoni jippermetti lill-manifatturi tal-karozzi biex jipproduċu vetturi b’emissjonijiet baxxi filwaqt li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jiżviluppaw politika li tirrifleti dan it-tibdil.
F’diskussjoni li saret il-Ġimgħa, Mark Scerri mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, spjega kif il-proċess tat-tranżizzjoni għandu jsir b’mod kawt biex ma jwassalx għal aktar tniġġis minn mezzi tat-trasport oħra.
Dr Caroline Gouder, tabiba speċjalizzata fil-mediċina respiratorja, semmiet kif problemi respiratorji bħall-asthma qed dejjem jiżdiedu, u allura tnaqqis fl-emmissjonijiet ifisser tnaqqis fil-problemi respiratorji wkoll.
Dr Simone Borg, avukat li tispeċjalizza fit-tibdil tal-klima, spjegat kif kumpaniji li jimanifatturaw il-karozzi għandhom jinvestu f’teknoloġija nadifa. Fin-nuqqas ta’ dan, għandhom jerfgħu r-responsibilità, skont il-prinċipju polluter pays principle.