L-Awtorità tal-ippjanar tat il-permess sabiex f’Marsascala jibda l-bini tal-grawnd tal-futbol u tal-klabb.
Aħbar li l-komunità ta’ Marsascala kienet ilha tistenna s-snin.
Il-proġett se jsir f’sit li bħalissa qed jintuża bħala żona rikreattiva. Fost il-faċilitajiet il-proġett se jkollu ħanut tal-klabb, ristorant, kċina, klinika, kmamar fejn ibiddlu, ġibjun, maħżen u faċilitajiet sanitarji. Dan kollu se jsir fuq medda art ta’ 6,000 metru kwadru.
Minbarra dan, l-Awtorità għall-Ippjanar approvat l-permess biex żona bejn Ħaż-Żabbar u l-Fgura tinbidel f’żona rekreattiva.
Ix-xogħol se jinkludi żoni għal picnic, parti fejn jilagħbu kif ukoll se ssir binja li se tinkludi kjosk, faċilitajiet sanitarji u kamra għal dak li jieħu ħsieb iż-żona. Dan filwaqt li s-siġar li hemm fil-post se jibqgħu fejn huma.
L-għan taż-żona rekreattiva hu li tikkonserva l-ekosistema tal-madwar fl-istess waqt li toffri spazji rikreattivi lir-residenti tal-lokalitajiet tal-madwar.
Fi stqarrija l-Awtorità tal-Ippjanar innutat li fl-aħħar snin l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Futbol kienet qed tinkoraġixxi lil klabbs tal-futbol biex itejbu l-faċilitajiet li joffru.