Lejn iktar bidliet ambizzjużi
Quddiem folla mdaqqsa f’Marsaskala, l-Prim Ministru enfasizza l-ħtieġa li biex Malta tibqa’ tkun ħielsa u suċċess trid tkompli tinbidel.
Mill-bidliet leġiżlattivi għal oħrajn f’entitajiet bħal Air Malta u r-riformi li jridu jsiru biex jiżdiedu n-nisa fil-politika, Joseph Muscat tkellem kif irid ikun dan il-moviment u issa li jwettaq il-bidliet meħtieġa.
Spjega fid-dettall il-mod kif il-gvern mexa fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja. “Din il-ġimgħa ħadna deċiżjoni storika li bħala pajjiż inbiddlu partijiet mil-liġijiet tagħna li ilhom fostna sa minn qabel l-indipendenza u qabel,” qal il-Prim Ministru li tkellem dwar kif il-gvern kien talab lill-Kummissjoni Venezja biex tiġi tagħmel stima ta’ dak li jaraw f’pajjiżna. “Ħarġu b’suġġerimenti ta’ dak kollu li għandna nbiddlu. Irrid infakkar li meta ħadna din id-deċiżjoni… filwaqt li l-gvern laqa’ lil dawn in-nies barranin li ġew jagħmlu din l-analiżi, l-oppożizzjoni qalet li m’għandniex xi rriduhom,” qal il-Prim Ministru li tenna kif dan il-kontra ta’ dak li jiġri f’pajjiżi oħra.
“Ġew u raw il-liġijiet kollha tagħna… għamlu lista’ ta’ rakkomandazzjonijiet,” spjega il-Prim Ministru li tenna kif ħafna drabi din il-Kummissjoni taqbad ma’ liġijiet li jkun għamel il-gvern tal-ġurnata. “F’pajjiżna din il-kummissjoni ma sabitx x’tikkritika lanqas liġi waħda li għamilna aħna. Minflok qabdu ma’ punti, affarijiet li ilhom fil-liġijiet tagħna sa minn żmien l-indipendenza u anke qabel,” sostna l-Prim Ministru li nnota l-kummenti tal-oppożizzjoni u qal: “Mela għax m’għamiltuhomx?!”
Il-Prim Ministru nnota li dawn huma liġijiet li għaddew mit-test meta dħalna fl-Unjoni Ewropa. Iżda sostna li l-gvern m‘għandux problema li jaġġorna maż-żminijiet. “Ridna l-ħin biex naraw ir-rakkomandazzjonijiet… Ridna naraw l-affarijiet fid-dettall u f’inqas minn 100 ġurnata diġa’ terz minnhom se nibdew il-proċess minn għada stess sabiex nibdluhom,” qal Joseph Muscat.
Semma wkoll kif diġa’ għamilna bidliet fil-mod kif tinħatar il-ġudikatura u hemm suġġerimenti oħra fejn diġa’ nipprattikawhom anke jekk mhux miktuba bħal dik fejn jingħad li l-President tar-Repubblika jinħatar b’żewġ terzi.
“Ġimagħtejn oħra bħala Parlament sħiħ se nivvotaw favur il-ħatra ta’ Dr George Vella. Se tkun it-tielet darba konsekuttiva li l-parlament se jivvota b’mod sħiħ favur din il-ħatra,” fakkar il-Prim Ministru.
Tenna li pajjiżna m’għandux minn xix jibża’. “Aħna dak il-pajjiż li jikkolabora. Aħna pajjiż Ewropew li rridu nkunu fuq ta’ quddiem f’kull qasam. Ir-rule of law, is-saltna tad-dritt mhux titkellem fuqha trid, tippratikaha trid.. tkun konsistenti dwarha trid,” qal Joseph Muscat li rrefera lejn l-aħħar żviluppi li kien hemm dwar l-aġir tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Ngħamlu dak li ilu biex isir
“Aħna mexjin biex inkomplu nbiddlu lill-pajjiżna. Naħdmu biex l-affarijiet li ilhom sabiex isiru verament isiru. Il-bidliet li għamilna fi tnejn mill-entitajiet l-iktar kruċjali ta’ dan il-pajjiżna, l-Enemalta u l-Air Malta, issa kulħadd qed jara l-frott tagħhom,” tenna l-Prim Ministru.
Irrefera għal kemm il-forzi tal-oppożizzjoni beżżgħu lill-ħaddiema tal-Enemalta. Iżda, il-ħaddiema ma belgħux il-lixka u llum is-sitwazzjoni tant inbidlet li l-Enemalta qed tagħmel investiment barra l-pajjiż. “Hemm wasalna,” qal Joseph Muscat.
Sostna li s-sitwazzjoni fl-Air Malta kienet agħar bil-gvern ta’ qabel kien laħaq ftehim mal-Kummissjoni Ewropea li rabatlu idejh. “Qlajna l-ewwel qligħ fi 18-il sena, iżda biex għamilna hekk ħadna sogru billi għidna li l-kumpanija nkabbruha. Il-kumpanija llum qed ikollha qligħ minkejja l-fatt li qatt daqs illum ma kellna linji tal-ajru joperaw lejn pajjiżna,” spjega l-Prim Ministru li ta ħajr numru ta’ persuni li ħadmu fuq din l-isfida.
“Il-muddell dawwarnih. Irnexxielna ndawruh għax kien hemm ir-rieda tal-ħaddiema… niftakar f’wieħed mill-ftit drabi li tkellimt b’mod iebes kien waqt in-negozjati tal-Air Malta għax għidt ċar u tond li s’hawn nistgħu naslu. Ejja ma nimlewx rasna li wasalna,” qal il-Prim Ministru li tenna kif kulħadd ra li jekk l-affarijiet se jibqgħu mexjin kif inhuma, l-Air Malta ma kellhiex futur.
Fisser kif l-Air Malta se ssir il-linja tal-ajru tal-Mediterran. “Verament qalbi mimlija kuraġġ,” qal il-Prim Ministru li nsista l-bżonn li jittieħdu passi iktar kurraġġużi.
Tenna kif quddiem l-isfida dan il-gvern joħloq l-opportunitajiet.
“Qalu għax fl-ewwel xahrejn il-gvern kellu defiċit. Min kitibha l-istqarrija jiddispjaċini lanqas jaf jaqra l-istatistika sewwa… l-ewwel nett anke t-tfal tal-iskola jafu li l-kontijiet tgħamilhom fl-aħħar tas-sena. It-tieni nett l-ewwel xahrejn kienu karatterizati b’nefqa kbira ħafna fuq proġetti kapitali li mhux nefqa imma hu investiment,” qal il-Prim Ministru li tenna kif kellna surplus għal sena wara l-oħra.
Din is-sena wkoll filwaqt li se nerġgħu nżidu l-pensjonijiet, filwaqt li nżidu l-benefiċċji soċjali nerġgħu ngħamlu surplus.
Irrefera għall-iskema tal-Equity Release li wkoll kritika l-Partit Nazzjonalista. Fisser kif diġa’ hawn kumpaniji li jitolbu l-proprjetà biex xi ħadd imur jgħix f’dar tal-anzjani.
“Li għamilna aħna li daħħalna skema li permezz tagħha qed nirregolawha u ngħidu kif tista’ tiġri xi ħaġa bħal din biex nipproteġu l-anzjani tagħna kif wiegħda fil-baġit. Ħarġu jikkritikaw u l-anqas fehmu x’għamilna,” qal il-Prim Ministru.
Bidliet ambizzjużi
“Aħna rridu nkomplu nħarsu ‘l quddiem. Inkomplu nbiddlu fejn hemm bżonn. Irridu nkunu ambizzjużi,” qal Muscat.
Hawn tkellem dwar rapport li poġġina fost tal-ewwel fis-settur LGBTIQ fid-dinja.
“Irridu nkomplu nagħtu x-xokkijiet lis-sistema li permezz tagħhom nippromwovu l-ugwaljanza. Anke se ngħamlu fil-jiem li ġejjin,” qal il-Prim Ministru li fakkar kif kemm ilhom isiru l-elezzjonijiet kienu eletti mijiet ta’ irġiel u 27 mara biss.
Reġa’ nsista li l-proposti tal-gvern mhumiex kwoti.
“Se tisimgħu l-argumenti konservattivi tas-soltu. Forsi b’libsa iktar moderna, imma huma l-istess argumenti mill-istess nies. M’għandniex għalfejn nissorprendu ruħna… aħna kien dan il-moviment li ġġieled biex kull raġel ikollu dritt għall-vot. Kien hemm żmien fejn mhux kull raġel kien ikollu vot,” saħaq il-Prim Ministru li tenna kif storikament il-moviment tal-Partit Laburista dejjem sab oppożizzjoni għall-bidla.
“Qalu l-istess ħaġa meta għidna anke n-nisa għandhom id-dritt għall-vot u l-istess forzi konservattivi qalu li le m’għandhomx ikollhom id-dritt għall-vot. Mill-ġdid kien il-moviment tagħha li mexxa dan id-dritt. L-istess mod meta ridna nnaqsu d-dritt tal-vot għal 18-il sena u xorta għamilniha fil-kostituzzjoni repubblikana u llum niżżilniha għal 16-il sena… għax qatt ma bżajna mill-bidliet,” fakkar Muscat.
“Jien għalija din hija l-iktar taqbida li għandi għal qalbi. Se nkun qiegħed fuq quddiem nett għax din mhux kwistjoni ta’ elezzjoni li nirbaħ vot lhawn jew lhemm. Din hi kwistjoni li tiddefinixina bħala pajjiż. Għad m’għandiex l-ugwaljanza f’dan il-pajjiż… Jekk mhux aħna min, jekk mhux issa meta. U Aħna se nkunu u issa” sostna l-Prim Ministru li temm jgħid li filwaqt li l-gvern għaddej b’dawn ir-riformi għandu wkoll elezzjonijiet importanti fil-25 ta’ Mejju.