Il-ħaddiema tax-xatt u dawk tal-korpi li għal snin twal tkellmu dwar inġustizzji fil-konfront tagħhom, anke b’rabta mal-pensjonijiet, se jkunu qed jieħdu ġustizzja tant li l-Gvern diġà għandu maħsuba skemi li jirranġaw inġustizzji li dwarhom ma sar xejn fi snin twal. L-isfida hi li dan isir b’mod li ma jkollux effett fuq il-finanzi tal-pajjiż b’mod li tintervjeni l-Kummissjoni Ewropea u twaqqaf skemi li għandu maħsuba l-gvern.
“Kieku nistgħu nħabbru kollox u ngħidu se jsiru fuq medda ta’ snin u l-pajjiż jiflaħ għalihom. Imma jekk inħabbar kollox illum, iqisu kollox f’sena waħda u d-defiċit jisplodi. U nerġgħu niġu fl-inkwiet,” qal il-Professur Scicluna li tenna li hemm raġunijiet tekniċi li jista’ jkollhom impatt fuq il-Gvern.
“Mela aħna qed inżommu l-bilanċ,” żied jgħid il-Ministru li kien ċar għal darba tnejn fl-impenn li l-inġustizzji jissolvew. “Nafu x’aħna ngħidu għal ġid ta’ min hu milqut u anke ta’ pajjiżna,” temm jgħid Scicluna fi programm fejn fakkar kif diġa’ qed jinżammu impenji oħra. Bħar-rifużjoni fuq min ħallas taxxa żejda fuq il-karozzi u riformi oħra li saru, mhux l-inqas il-pensjonijiet.