Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva Deborah Schembri preżentat dettalji dwar l-att li se jwaqqaf l-Awtorità tal-Artijiet, waqt konferenza tal-aħbarijiet.
L-Awtorità se tippromwovi l-użu tal-art u tal-propjetà b’mod sostenibbli u se tagħti pariri lill-Gvern dwar kif għandhom ikunu mfassla regoli f’dan is-sens.
Se jinħatar bord ta’ governanza, magħmul minn għaxar membri, li jinkludi membru parlamentari nominat mill-Oppożizzjoni. Se jinħatar ukoll uffiċjal tal-awditajr u tal-investigazzjoni, li se jkun qed jaħdem f’direttorat u jirrapporta lill-Kap Eżekuttiv. Dan tal-aħħar se jinħatar wara proċess ta’ sejħa pubblika.
Sabiex tinżamm sinerġija bejn il-bord u l-Gvern, il-Ministru se jiżgura li l-bord ta’ Gvernaturi jkun informat dwar id-direzzjoni strateġika tal-Gvern. Il-bord se jikkonsulta mal-Minsitru u viċe versa, meta jkun jikkonċerna propjetà tal-Gvern li dwaru jkunu ngħataw pariri esterni lill-Ministru.
Sabiex il-bord tal-gvernaturi jkun aċċessibbli, se jkollu uffiċċju ċentralizzat biex jilqa’ ilmenti u rapporti. Se tkun aċċessata wkoll informazzjoni relatata ma’ ksur ta’ regoli. Se jkun hemm aċċess għall-informazzjoni, billi jinżamm rekord tad-dokumenti kollha li jgħaddu minn taħt idejn l-Awtorità. Se jinżamm reġistru li jkun disponibbli għall-ispezzjoni pubblika fejn hu meħtieġ, u kull persuna se jkollha aċċess għal dokumenti li jikkonċernawha.
Biex tkun żgurata l-kontabilità, l-Uffiċjal tal-Awditjar se jippreżenta rapport annwali tal-awditjar sa mhux aktar tard mill-ewwel tliet xhur ta’ kull sena. Meta l-Uffiċjal jikkonkludi investigazzjoni finanzjarja jew proċess t’awditjar intern, għandu jibgħat rapport lill-Prim Ministru, fost oħrajn.
Kull persuna li tissuspetta li ġrat xi irregolarità se tkun tista’ tikkomunikaha permezz ta’ ittra jew b’mezzi elettroniċi. Se tkun skrutinizzata kull tranżazzjoni li tiġi f’idejn l-Awtorità b’valur li jeċċedi l-€100,000.
L-Uffiċjal se jkun jista’ jispezzjona kull post jew oġġett li jappartjeni lill-Awtorità, inkluż data fuq il-kompjuter.
Se tinħoloq sistema ta’ checks and balances li s’issa l-Gvern ma kellux. Il-ligi għaddiet għand l-Oppożizzjoni aktar minn xahar ilu. “Sfortunatament ma kelli ebda risposta” qalet is-Segretarju Parlamentari Schembri. Stiednet lill-Oppożizzjoni jressaq suġġerimenti anke għada, meta jsir it-tieni qari fil-Parlament. Spjegat li kien hemm konsultazzjoni diretta mal-pubbliku u ma’ min jaħdem mad-Dipartiment tal-Artijiet.
l-Perit Robert Musumeci għamel preżentazzjoni. Saret ħafna enfasi mill-perit fuq li huwa l-bord ta’ Gvernaturi li se jieħu deċiżjonijiet, u mhux il-Ministru. Madanakollu dan se jkun aġġornat dwar deċiżjonijiet.
https://www.youtube.com/watch?v=wOG-wOCxGTg