Intemm proċess li matulu bosta qalu tagħhom dwar Awtorità li se tibda tieħu ħsieb l-iżvilupp reġjonali għal Għawdex.
Il-konsultazzjoni pubblika kienet pass li mmarka l-bidu għall-implimentazzjoni ta’ wiegħda elettorali oħra tal-Gvern.
L-Awtorità Reġjonali għal Għawdex se tkun responsabbli mit-twettieq tal-istrateġija dwar l-iżvilupp reġjonali għal Għawdex – li b’vizjoni li twassal sas-sena elfejn u tletin tinkludi fiha proġetti ta’ infrastruttura, turiżmu, iktar impjiegi f’Għawdex, u l-viżjoni ta’ Eko-Għawdex.
F’intervista ma’ ONE News, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana spjegat li aktar minn kollox, din l-Awtorità trid tirrevedi l-istrateġija, billi tanalizza dak li jkun sar, dak li jkun baqa’ xi jsir, u bdil fiċ-ċirkostanzi li jista’ jinqala’ minn żmien għal żmien.Il-Ministru spjegat li dan l-abbozz ta’ liġi se jirrifletti ideat sottomessi minn nies minn kull spettru tas-soċjetà.
Spjegat kif “Il-mira ta’ din l-awtorita hija l-implimentazzjoni tal-istrateġija reġjonali, li dawk l-affarijiet li ilna nisimgħu snin twal biex isiru f’Għawdex ħa jkun l-irwol ta’ din l-Awtorita li tassigura li dawn isiru għax finalment kulħadd jaf xi rridu f’Għawdex, hija kwistjoni ta’ affarijiet li assolutament iridu jsiru.”
It-twaqqif ta’ din l-Awtorità mistenni jkun fost l-ewwel suġġetti li se jiddiskuti l-Parlament meta jerġa’ jiftaħ f’Ottubru.
Caruana qalet li “Id-drafter tagħna qed jiġbor l-elementi li ħarġu mill-konsultazzjoni pubblika biex jiġu riflessi fil-liġi biex hekk kif nidħlu l-Parlament ikun jista’ jiġi ppubblikat l-abbozz u jitqiegħed ukoll fl-aġenda għad-diskussjoni.”