Id-Deputat Laburista u Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta, Silvio Parnis, qal li l-wasla tat-tanker tal-ħażna tal-gass Armada LNG Mediterrana hija żvillup importanti ħafna fil-pjan tal-Gvern, li jittrasforma s-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija f’pajjiżna minn wieħed dipendenti fuq iz-zejt li jniġġes għal sistema aktar nadifa li taħdem bl-LNG.
‘Il-poplu Malti, partikolarment ir-residenti fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta għal darba oħra kkonfermaw ir-rieda tajba li għandu dan il-Gvern li jindirizza mhux biss l-inkonvenjent soffert matul is-snin, imma fuq kollox il-kwalità ta’ saħħithom’ qal Silvio Parnis.
Fi stqarrija, d-Deputat Laburista spjega li dan il-pass għandu jwassal għal tnaqqis ta’ 90% tat-trab fl-arja, tnaqqis ta’ 50% fl-emissjonijiet, l-għeluq tal-eqdem power station f’Delimara, it-twaqqieħ taċ-ċumnija u fuq kollox iż-żarmar komplet tal-Power Station tal-Marsa.
Irrispettivament min-negattivà u l-biża’ li pruvat tnissel l-Oppożizzjoni, l-poplu qiegħed japprezza li l-użu temporanju ta’ dan it-tanker tal-ħażna tal-gass huwa pass għaqli ta’ Gvern Laburista, li kif għamel f’diversi setturi oħra kellu jieħu azzjoni biex jirrimedja n-nuqqas ta’ vizjoni u azzjoni ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti, li flokk investa f’pipeline tal-gass investa f’sistema li taħdem bl-aktar żejt li jniġġeż.
‘Jien aktar minn ottimist li Gvern Laburista bit-track record pozittiv li bena f’dan is-settur u f’setturi oħrajn, se jkun il-Gvern li jiffinaliza l-pipeline tal-gass’ saħaq Silvio Parnis.