Il-Ministeru għal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali fil-futur qrib ser iniedi politika ġdida, li tkompli tikkumplimenta l-inizjattiva “Għaqal id-Dar, Ħajja Aħjar”.
Dawn huma sensiela ta’ korsijiet li qed jingħataw lil persuni fil-bżonn b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali. Dawn il-persuni jistgħu jiskbu ħiliet li jwasslu għal stil ta’ ħajja aħjar u b’hekk jindirizza l-faqar.
Ħabbar dan il-Minsitru Michael Farrugia waqt serata li magħtulha ġew preżentati ċertifikati lil dawk li temmew kors minnhom b’suċċess. S’issa kienu aktar minn 350 persuna li pparteċipaw, b’etajiet li jvarjaw minn 20 sena sa’ 45 sena.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo, li kien preżent għas-serata, fakkar li l-Gvern għandu dmir li titjieb il-kwalita’ tal-ħajja u jridu jkunu l-Kunsilli Lokali li jieħdu azzjoni f’dan ir-rigward.
Il-Ministru Farrugia stqarr li kull persuna trid tkun kapaċi tgħix ħajja indipendenti. Fakkar li m’għadux iż-żmien li x-xogħol tad-dar tieħu ħsiebu l-mara biss u huwa għalhekk li dawn it-tip ta’ korsijiet iħeġġu responsabbilta’ li tinqasam minn kulħadd. Il-Gvern qed joffri childcare b’xejn waqt il-korsijiet, biex in-numru ta’ nies li jipparteċipaw ikompli jiżdied.