Daqtejn fuq it-tamborlin, ir-ritmu bil-katuba u ejja ħa ndoqqu f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.
Il-baned Maltin u Għawdxin jagħtu sehem qawwi anki f’dawn il-festi iżda l-interess fil-baned tkattar jew naqas.
Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika wriet li sentejn ilu kien hawn ftit aktar minn sebgħa u għoxrin elf membru fil-każini tal-banda.
Aktar minn elfejn u mitejn huma bandisti tal-post, bi kważi tlieta u sebgħin fil-mija huma irġiel u ftit iktar minn sebgħa u għoxrin fil-mija li huma nisa.
L-aljievi ammontaw għal aktar minn elf u mitejn membru, b’iktar minn tlieta u sittin fil-mija li huma rġiel u bi ftit inqas minn sebgħa u tletin fil-mija li huma nisa.
L-NSO spjega li l-membri tal-kumitat jammontaw għal kważi elf u mitt membru. Bl-irġiel jiddominaw ukoll f’din il-kategorija bi ftit aktar minn tlieta u disgħin fil-mija, filwaqt li n-nisa jammontaw għal ftit aktar minn sebgħa fil-mija.
Din id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa tinħass sewwa hekk kif l-ewwel nisa fil-baned Maltin daħlu madwar ħamsa u għoxrin sena ilu.
Ma’ ONE News, it-teżorier tal-Għaqda tal-Każini tal-Banda Chris Briffa saħaq li minkejja din id-differenza n-nisa fil-Każini tal-Banda deħlin u anki qed jitilgħu fil-ġerarkija tat-tmexxija tas-soċjetajiet mużikali.
“Fi ħdan il-każini tal-baned ġiet imneddija diskussjoni interna rigward kif in-nisa ħa jkunu parti mis-soċjetajiet mużikali tagħna. Għalkemm ngħidu dan, ta’ min jgħid li għadna erba’ presidenti ta’ soċjetajiet mużikali li huma nisa u ammont ieħor konsiderevoli li għandhom segretarju li huma nisa fil-kumitat.” Stqarr Briffa.
L-għaqda ilha għal dawn l-aħħar snin taħdem mal-Gvern sabiex tagħti fondi lil baned sabiex jgħallmu lil bandisti mingħajr ħlas. Barra minn hekk, riċentament ingħataw fondi sabiex bandisti jibdew jitgħallmu strumenti li m’humiex daqshekk komuni fil-baned, biex b’hekk il-baned ikunu iktar kompluti u jiżviluppaw aktar fl-arti mużikali.