Hekk kif is-Sibt filgħaxija Luciano Spalletti se jkun qiegħed jmexxi lit-tim nazzjonali Taljan għat-tielet partita ta’ kwalifikazzjoni mill-Kampjonati Ewropej 2024, il-Ġimgħa filgħaxija huwa ta’ l-aħħar aħbarijiet dwar x’qed jistenna mill-partita kontra Malta.
Jakkumpanja lil Spalletti kien hemm il-goalkeeper ta’ PSG Gianluigi Donnarumma li fil-ġurnata tas-Sibt se jkun il-captain tat-tim nazzjonali Taljan.
Fl-aħħar sigħat żewġ plejers tat-tim nazzjonali Taljan tneħħew mill-skwadra hekk kif ġew interrogati mill-pulizija fuq suspetti ta’ mmħatri llegali. Il-plejers huma Sandro Tonali ta’ Newcaslte United u Nicolo Zaniolo t’Aston Villa, żewġ plejers li b’kull probabilita kienu ser jiffurmaw parti mill-ewwel ħdax tat-tim nazzjonali Taljan fil-partita kontra Malta. Flok dawn it-tnejn, Spalletti sejjaħ sabiex jingħaqad mal-skwadra lil Stephan El Shaarawy.
Dwar dan il-każ Spalletti qal li jinsab dispjaċut ħafna għaliex huma plejers ta’ kwalita’ filwaqt li jittama li jkunu kapaċi jippruvaw l-innoċenza tagħhom.
Fl-aħħar mumenti l-Italja tilfu s-servizzi wkoll ta’ Federico Chiesa li ma’ rnexxilux jirkupra minn injury li sofra ftit tal-jiem ilu mat-tim ta’ Juventus.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet Spalletti sostna, li minkejja Malta tinsab fil-qiegħ tal-grupp bla ebda punt, xorta jemmen li mhux se tkun partita faċli kif wara kollox ma’ kienitx il-partita f’Ta’ Qali.
Spalletti ġie mistoqsi dwar il-plejer ta’ Fiorentina Giacomo Bonaventura fejn sostna li l-plejer bħalissa qed jilgħab l-aħjar futbol tal-karriera u ma’ tkunx sorpriża li jkun mal-ewwel ħdax fil-partita ta’ għada jew kontra l-Ingilterra nhar it-Tlieta.
L-Italja jinsabu jaqsmu t-tieni post tal-klassifika b’total ta’ 7 punti flimkien mal-Ukrajina u l-Maċedonja ta’ Fuq li għada jilgħabu kontra xulxin. Fil-mument, l-Italja għandhom differenza ta’ gowls aħjar mill-stessi Ukrajina u Maċedonja.