Lejlet il-Milied, filwaqt li bosta jippreparaw għal xi ikla jew attività tal-Milied mal-familja jew il-ħbieb, grupp ta’ għoxrin persuna ħallew lil pajjiżna u lil familthom warajhom sabiex jibdew l-isfida li jitilgħu il-muntanja Kilimanjaro.
Bil-pjan tagħhom hu li fit-tnejn ta’ Jannar jilħqu l-quċċata ta’ din il-muntanja fl-Etjopja.
Ian Buhagiar, wieħed mill-parteċipanti tat-tnax-il edizzjoni ta’ din l-ispedizzjoni, saħaq li sabiex ikunu lesti għal din l-isfida u jitilgħu kważi sitt elef metru ’l fuq mil-livell tal-ilma kellhom jgħaddu minn taħriġ iebes.
Qal kif “kien hemm ħafna taħriġ intensiv fosthom eżempju nhar ta’ Ħadd kien hemm tracks mis-sitta ta’ filgħodu sa nofsinhar. Kellna wkoll dak li aħna ngħidulu l-hill training. Bażikament noqgħodu nitilgħu u ninżlu l-għolja ta’ Birguma għal għaxar darbiet, b’għaxar kilos fuq daharna u ukoll taħriġ, dak li ngħidulu powerwalk fejn aħna konna nixmu b’pass mgħaġġel ħafna mil-luxol sal-belt u lura f’temp ta’ madwar sagħtejn.”
Il-parteċipanti kellhom itellgħu ukoll bosta attivitajiet u jsibu ammont ta’ sponsors sabiex inġabret is-somma ta’ €110,000.
Fl-aħħar tal-isfida l-grupp se jmur f’Bonga fl-Etjopja sabiex jiftaħ ċentru għat-tfal b’diżabilità.
Ċentru li kien il-ħolma ta’ Dun Ġeorge Grima, li sfortunatament ma rax il-proġett jintemm qabel ħalla din id-dinja fl-elfejn u sbatax. Huwa għalhekk li dan iċ-ċentru se jissemma għalih.
It-tim leader tal-grupp ta’ din is-sena, David Sarge saħaq li l-ikbar diffikultà jaf tkun li f’ċirkostanzi ibsin tal-isfida jaf jibdew joħorġu l-aspetti negattivi fil-karattri.
Sarge spjega kif “parti mill-irwol tiegħi huwa li nara li qiegħdin sejrin tajjeb flimkien bħala tim, li nibqgħu flimkien u mhux kulħadd jagħmel għal rasu. Jiġifieri this is a, għal tlett ġimgħat irridu ninsew l-individwalitá fis-sena u niffukaw bħala tim.”
Taryn Mamo Cefai li wkoll se tkun parti mill-parteċipanti li se jagħmlu l-isfida tal-Kilimanjaro għal din is-sena saħqet li l-fatt li se tgħaddi l-Milied ’il bogħod minn familtha hija sfida kbira ħafna.
Mamo Cefai qalet “Jiena vera nimponi fuq il-familja li nkunu hawnhekk fi żmien il-Milied jiġifieri huwa importanti ħafna speċjalment għax il-familja tiġi flimkien għal darba f’sena ikun kulħadd flimkien so għalhekk kienet diffiċli ħafna illi nagħmluha ovjament qabel il-Milied pero naħseb li s-sodisfazzjon li ħa nieħdu billi nagħmlu xi ħaġa bħal din tant hija kbira illi fl-aħħar mill-aħħar tinsa kollox.”